Waħda mid-deċiżjonijiet li kien ħa Gvern Nazzjonalista lura
fl-2009 kienet li jagħti dehra ġdida lil Belt Valletta. Sar ħafna xogħol ta’
restawr fuq il-fortifikazzjonijiet u pavimentar, pero’ l-aktar deċiżjoni
importanti kienet il-proġett tad-daħla tal-Belt. Għal dan il-proġett kien ġie
ikkummisjonat l-arkitett u disinjatur ta’ fama mondjali, Renzo Piano. Żgur mhux
forsi li parti kbira mill-mertu għala l-Belt Valletta rebħet l-unur għal Belt
Kapitali Ewropea fl-2018 kienet ir-riġenerazzjoni kbira li saret fiha f’dawk
is-snin, fosthom ukoll dan il-proġett tad-daħla tal-Belt.
Kien proġett li għall-ewwel ħoloq xi ftit tal-kontroversja,
iżda illum il-ġurnata ħafna huma dawk li jfaħħruh. Jissemma b’mod prominenti
f’diversi siti u ġurnali ta’ estetika u arkitettura, u ġa huwa kbir l-ammont
ta’ turisti li jaslu Malta jistaqsu għalih.
Id-daħla tal-Belt
kellha ssir esperjenza. Taqsam il-pont fuq il-foss, li ġie mċekken għad-daqs
oriġinal tiegħu, daqs li issa jippermettilek tgawdi d-dehra
tal-fortifikazzjonijiet tal-Belt u tal-ġnien ġdid fil-foss innifsu, spazju
miftuħ li jkompli jaċċenna l-kobor tas-sur ta’ maġenbu. Tgħaddi mis-sur, bejn
żewġ ħitan massivi tal-ġebla Maltija, u ssib ruħek f’fetħa li tippermettilek
tara l-maesta’ taż-żewġ Kavallieri, dak ta’ San Ġwann u dak ta’ San Ġakbu.
Maġenbhom, il-bini li jilqa’ fih l-ogħla istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna,
il-Parlament, fejn ir-rappreżentanti tagħna jiddiskutu u jiddeċiedu f’isimna.
Binja li tidher qisha ġiet imnaqqxa mis-swar stess, u mill-istess pedament li
fuqu inbniet Beltna joħroġ il-pedament tad-demokrazija, bil-kulur safrani
tal-ġebla jkanġi mal-qawwa tax-xemx. Taħtu, spazju ta’ eżebizzjonijiet
artistiċi, storiċi u politiċi, spazju kulturali fejn l-identita’ tal-poplu
tista’ tiġi skoperta’. Maġenbu, teatru miftuħ bħalma ssib f’bosta bliet ewropej
oħra, fejn artisti u atturi jistgħu jesperimentaw waqt li l-poplu jgawdi
l-produzzjoni taħt id-dell tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Faċċata, il-perspettiva
sħiħa ta’ Triq ir-Repubblika, bin-nies għaddejja: il-mixja tal-poplu
mill-Palazz tal-GranMastru, simbolu tal-ħakma, għal Palazz il-ġdid
tal-Parlament, simbolu tad-demokrazija. Perspettiva li timbuttak tibqa’ dieħel
ġo din il-Belt imżewqa b’tant ilwien u tant ħsejjes, sa ma twasslek fil-qalba
tagħha, Pjazza San Ġorġ, spazju miftuħ li jerġa’ jagħti nifs qalb il-bini u
s-simetrija tal-Belt.
Dak kien
il-ħsieb. Dak kien il-pjan. Pjan li sfortunatament qed narawh bilmod il-mod
jiżżarma minn gvern li mill-bidu ra kif għamel biex fixkel, mill-bidu lanqas
biss prova jifhem il-kunċett, mill-bidu wera li ma jimpurtah xejn mit-tixrid u
t-tisħiħ tal-kultura. Qed naraw gvern li rema mit-tieqa l-pjan tal-ġnien
fil-foss tal-Belt, parti daqshekk integrali mill-kunċett ta’ dan il-proġett.
Gvern li issa wkoll irid jagħlaq l-ispazju miftuħ li ġie ikkreat mal-Parlament
bil-monti, jew aħjar is-suq.
Ejja nagħmluha
ċara. Il-bejjiegħa tal-monti m’huma xejn inqas minn ħaddieħor, u bħal kulħadd
huma wkoll qed jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom. Pero’ hemm post
u hemm post fejn għandu jitrama’ suq. L-ispazju li ġie kkreat fid-daħla
tal-Belt qiegħed hemm bħala kunċett ta’ spazju miftuħ, u mhux biex kulmin
jidħol il-Belt, flok jgħix l-esperjenza li ried jgħaddieh minnha Piano, isibu
ruħu ġo nofs suq.
L-idea li
ġġiegħel lin-nies jgħaddu minn ġos-suq biex jixtru aktar hija idea żbaljata.
Min ma jridx jixtri minn fu q il-monti,
xorta mhux ħa jixtri. Imma min irid jixtri mill-monti, lest imur fl-aħħar
tad-dinja biex imur għalih. Anke’ f’Malta. Għal monti li jarma l-Inspire jew
il-ground tal-Birgu, issib kju ta’ karozzi lesta biex tidħol mill-ħamsa ta’
filgħodu! Ħadd ma jgerger għax mhux qegħdin f’post ċentrali. Jekk il-prodotti
jkunu interessanti u l-esperjenza tax-xiri tkun pożittiva, in-nies tmur ikun
fejn ikun. F’kull belt ewropea jarma monti, u f’kull belt ewropea issib
il-monti l-barra mill-Belt. U xorta kulħadd imur bil-gzuz għalih. Ħlief
f’Malta, li ħa npoġġuh propju fid-daħla biex minn għalina l-bejjiegħa jmorru
aħjar, bir-riperkussjoni li neqirdu l-kunċett li qabbadna l-aqwa disinjatur
fid-dinja joħloq.
Hija ħasra, u
ħasra kbira, li għandna gvern li lest jarmi kull kunċett ta’ kultura għax-xiri
tal-voti. U hija ħasra akbar li għandna poplu lest jippermetti attakk wara
l-ieħor fuq ir-ruħ kulturali u l-identita’ tiegħu. Ironikament, lejliet li Beltu
tkun il-Belt Kapitali Ewropea.
Comments
Post a Comment