Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta' Jannar 2017
Il-poplu jħallas aktar
Id-doppju tat-traħħis grandjuż
Stabbilità xejn
Lura f’April 2014,
il-Prim Ministru Joseph Muscat kien sejjaħ konferenza stampa “urġenti”.
Ġurnalisti, politiċi, in-nies, kulħadd stenna bi ħġaru biex jara l-Prim
Ministru x’kien ħa jħabbar li kien ta’ materja daqshekk urġenti. Kien hemm min
spekula li kien ħa jitħabbar xi investiment barrani kbir li ser joħloq ħafna
impjiegi. Kien hemm min ħaseb li kien hemm xi re-shuffle ieħor. Kien hemm min
basar li kien hemm xi suċċess fin-negozjati fuq l-Air Malta.
Iżda oħroġ
il-għaġeb, dakinhar l-aħbar il-kbira u urġenti li ried iħabbrilna l-Prim
Ministru flimkien mal-Ministru tal-Panama Konrad Mizzi kienet li l-prezzijiet
tal-petrol u d-diesel kienu ħa jorħsu b’żewġ ċenteżmi. Dan meta l-prezz
internazzjonali taż-żejt kien fl-iktar livell baxx ta’ dawn l-aħħar għoxrin
sena.
Meta mistoqsija
għalfejn ir-roħs kien daqshekk żgħir, meta bil-prezz internazzjonali taż-żejt
ir-roħs kellu jkun ta’ għexieren ta’ ċenteżmi, huma kienu qalu li l-Gvern ser
ikun qed jagħti stabbilità, u allura mhux ħa jkun qed jogħla u jitbaxxa
skont is-suq.
Kulħadd kien fehem li dan ifisser li l-prezz ser jinżamm
stabbli, u allura l-poplu ħa jkun qed iħallas aktar milli suppost meta l-prezz
taż-żejt huwa baxx, biex imbagħad jibqa’ jħallas l-istess anke’ meta l-prezz
jogħla.
Iżda tisbaħ l-ewwel ġurnata tax-xogħol tal-2017, ftit
tal-ġranet wara li l-Ministru tal-Panama qassmilna kalendarju fi djarna biex
ifakkarna kemm kien imdaħħal fi proġetti li setgħu imlewlu l-kontijiet
tal-kumpanija sigrieta li waqqaf (jew biex nikkwotaw lilu, “to populate it with
assets”): il-bejgħ tal-Enemalta, il-bejgħ tal-BWSC, it-tender tal-power-station
tal-Electrogas, il-bejgħ tal-isptarijiet, il-ftehim jinten għall-immaniġġjar
tal-isptarijiet, u l-iżvilupp propost f’San Ġiljan u Paceville (permezz ta’
Projects Malta li għadu responsabbli tagħha). Naqraw il-kalendarju fejn
il-Ministru tal-miljun ewro fis-sena jwegħdna aktar roħs fil-prezzijiet
tal-petrol u d-diesel. Niftħu l-gazzetti. U x’insibu?
Insibu li l-prezz tal-petrol ogħla b’4 ċenteżmi. Id-doppju
tat-traħħis grandjuż li kien ħabbrilna Joseph Muscat f’April 2014. Mhux hekk
biss, imma dan ifisser li l-prezz tal-petrol issa tela’ għal €1.31, li huwa
l-istess prezz eżatt li kien il-petrol meta Joseph Muscat niżżel in-nies fit-toroq
jipprotestaw għax il-prezz tal-petrol kien għoli. U taf x’inhi l-ironija? Li
l-prezz taż-żejt dakinhar kien id-DOPPJU ta’ dak li hu illum.
Mela jekk f’Jannar 2011 protestajna għax il-prezz tal-petrol
kien €1.31 meta l-prezz taż-żejt kien $110-il barmil, kemm aktar għandna għax
nipprotestaw illum meta l-prezz tal-petrol tela’ għal €1.31 waqt li l-prezz
taż-żejt huwa biss ta’ $50-il barmil!
Il-Gvern għadu
jinsisti li minkejja dan il-prezzijiet tal-fuels f’Malta huma inqas mill-medja
Ewropea. Pero’ dan mhux vera. Il-Ħadd li għadda t-Times ippublikat studju li
wettqet hija stess fejn ikkumparat il-prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa matul
l-2016 mal-prezzijiet tal-fuels f’Malta matul l-istess sena, u ħareġ illi
f’Malta ħallasna madwar 5ċ aktar fil-litru mill-medja Ewropea. Mela anke’ din
il-propoganda tal-Gvern, bħal kumplament tal-istqarrijiet tiegħu, hija gidba.
Il-verità hija waħda. Li l-istabbilità li
fehem biha Joseph Muscat kienet tfisser li l-prezzijiet jibqgħu għoljin meta
ż-żejt jorħos, u xorta jogħlew meta ż-żejt jitla’ imqar bi ftit. Din mhi
stabbilità xejn. Din hi politika ta’ “ejja ħa nieħdu kemm nistgħu”. U għalfejn?
Biex nilħqu l-miljun fis-sena li riedu jiddepożitaw fil-kontijiet sigrieti?
Biex nagħmlu xi hedging agreement ieħor
mal-Azerbaijan u kumbinazzjoni nerġgħu
nitilfu xi €11-il miljun oħra?
U l-iktar li tirrabbja meta tiftakar li wara dan kollu, hemm
pajjiż fejn l-anzjani u n-nies morda bil-kanċer għad iridu jixtru l-mediċini
tagħhom huma, jew jittalbu għall-karità għand il-President.
Din hi l-“ġustizzja soċjali” ta’ Joseph Muscat u l-kukkanja
tal-qalba ta’ Kastilja.
Comments
Post a Comment