Illum hija
l-aħħar ġurnata għas-sena 2017, u allura għar-rubrika tal-lum iddeċidejt li
nħares ftit lejn l-istejjer ewlenin li seħħew tul l-2017. Għaldaqstant ħarist
ftit lejn is-siti elettroniċi ewlenin bħal timesofmalta.com,
independent.com.mt, netnews.com.mt u lovinmalta.com, biex nara liem kienu
l-istejjer li dawn elenkaw bħala dawk li mmarkaw l-2017.
Bla dubju ta’
xejn l-iktar storja li ħa tibqa’ marbuta mas-sena 2017 kienet il-qtil brutali
tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien l-ewwel qtil politiku fejn
il-vittma kienet dik premeditata li tinqatel, u fejn il-vittma inqatlet biss
minħabba dak li kitbet jew setgħet kienet ser tikteb. Kienet ġurnalista ta’
kuraġġ kbir u li ma beżgħetx tikxef l-ikbar skandli ta’ korruzzjoni li fihom
kien hemm imdaħħlin politiċi u nies fil-poter, u l-pajjiż illum mingħajrha huwa
ħafna inqas sikur milli kien.
Infatti ħafna skandli
kbar oħra tal-2017 kienu proprju ġejjin mill-pinna tagħha: l-istorja
tal-burdell ta’ Acapulco, konfermata mill-crew
tan-Net, u l-mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tagħha, il-ħadma
wara l-ftehim jinten tal-Vitals biex jagħmlu biċċa profitt minn fuq
l-isptarijiet ta’ pajjiżna, u dawk marbuta mal-Bank Pilatus, it-tneħħija
tad-dokumenti mill-Bank bil-lejl, l-FIAU, il-whistleblower Russa u d-dokumenti dwar ill-kumpanija Egrant, stejjer
li waslu biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali proprju f’din is-sena.
Elezzjoni
ġenerali li reġgħet tat rebħa kbira oħra lil Partit Laburista, li waslet
għar-riżenja ta’ Simon Busuttil mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Riżultat
li mbagħad ra lil Partit Nazzjonalista jibda proċess sħiħ ta’ trasformazzjoni:
l-elezzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap ġdid tiegħu u tal-kumplament
tat-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit. Sena li tefgħet fuqi wkoll
l-inkarigu u r-responsabbilità l-ġdida ta’ President tal-Eżekuttiv
tal-Partit Nazzjonalista.
Kienet is-sena
tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, Presidenza li tefgħet id-dawl tad-dinja
fuq Malta, fejn iżda flimkien mat-tajjeb deher ukoll il-ħażin: l-istejjer
tal-ħasil tal-flus u l-iskandli kollha marbuta mal-Prim Minstru u l-Ministri
tiegħu, li imbagħad waslu għal voti importanti fil-Parlament Ewropew, vot li
kkundanna n-nuqqas tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna u vot li bi żbrixx ma
ttimbrax lil Malta bħala tax haven,
grazzi għall-interventi tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.
Kienet is-sena
tad-dħul taż-żwieġ bejn nies tal-istess sess, dritt ċivili li daħal bil-kunsens
taż-żewġ naħat tal-Kamra. Kienet ukoll is-sena li rat il-waqgħa tat-Tieqa
tad-Dwejra, tieqa marbuta ma’ qalb kull Malti u Għawdxi.
Kienet ukoll
is-sena li rat il-bidu tal-Presidenza kontroversjali ta’ Donald Trump, il-bidu
tal-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-waqgħa tad-dittatur
Robert Mugabe mit-tmexxija taz-Zimbabwe, u r-rebħa ta’ Merkel għar-raba’
terminu ta’ tmexxija fil-Ġermanja.
Kienet ukoll
is-sena fejn il-ħabib tagħna Salvu Felice Pace waqaf jieħu ħsieb din
ir-rubrika, u għadda l-inkarigu lili. Fi tmiem din is-sena, insellimlu u
flimkien magħkom nawguralu għas-sena l-ġdida.
Fl-2018 ser inkun
qed inkompli naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom, ħsibijiet dwar dak kollu li
nkun qed niltaqa’ miegħu fid-dinja diġitali, li illum saret parti aktar
integrali mid-dinja fiżika tagħna. Żgur li ser tkun sena interessanti, sena li
ser iġġib fuqna sfidi ġodda, sfidi kbar, imma li b’impenn u b’determinazzjoni
ser inkunu qed niffaċċjawhom u negħlbuhom ilkoll flimkien.
Nawgura lilkom
il-qarrejja tagħna u l-familji tagħkom hena, paċi u risq matul is-sena l-ġdida.
Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017.
Comments
Post a Comment