F’dawn il-ġranet sħan u bir-riħ isfel, meta l-Parlament aġġorna għas-sajf u allura ħafna elementi fi ħdan il-Gvern imorru għall-btajjel tagħhom, nistgħu ngħidu li l-politiċi huma komdi li jmorru għal vaganzi meta ghandhom daqstant mistoqsijiet x’jistaqsu fuq l-operat tagħhom stess? Meta hemm tant nies hemm barra li se jqattgħu sajf inkwetati fuq kwistjonijiet u problemi li għad m’hemm l-ebda ħjiel ta’ pjan biex nirranġawhom?
Ħarsa ħafifa lejn
l-aħbarijiet fuq is-siti Maltin u l-midja soċjali matul din il-ġimgħa ittik
ħafna fuqhiex taħseb.
L-istrajk tal-infermiera
u l-qwiebel, per eżempju, li qed jaffetwa lil ħafna nies u ħafna pazjenti, huwa
każ iżolat? Jew
huwa sintomatiku ta’ Gvern li mhux jisma’?
Ċertament li
mhuwiex l-unika tilwima li għandna għaddejja bħalissa. Għandna protesti
oħra li saru jew qed isiru. Protesti fuq
il-qtugħ bl-addoċċ tas-siġar, anzi l-massakru
tas-siġar. Massakru li l-Ministru tal-Ambjent innifsu, l-Onorevoli Herrera,
qalilna li huwa bżonnjuż biex jagħmlulna l-wisa’ għal progress, għal karozzi.
Nistaqsi kemm kienet bżonnjuża t-tqaċċit anke ta’ siġra maġenb il-Barrakka ta’
Fuq, siġra li salvat mill-gwerra imma ma ħelsithiex minn dan il-Gvern, biex
sempliċiment għamlet wisa’ għal parkeġġ, u li vilment tqaċċtet bil-lejl,
fis-satra, fis-skiet, fil-moħbi.
Għandna protesti
fuq il-mod kif qed jiġu trattati l-immigranti, li filwaqt li
għandna niddefendu l-interess nazzjonali għadni ma nistax nifhem x’sens jagħmel
li twaqqaf l-operazzjonijiet u l-monitoraġġ tas-salvataġġ. Bħallikieku jekk lanqas
inkunu naf bl-imwiet, m’għandniex għalfejn ninkwetaw fuqhom. Bogħod mill-għajn,
bogħod mill-qalb.
Protesti fuq permessi bl-addoċċ għal pompi tal-petrol
enormi f’postijiet barra
miz-zoni ta’ żvilupp, bħallikieku f’dawn is-sebgħa u għoxrin kilometru ta’
gżira għandna bżonn pompi iżjed milli hawn karozzi, fl-istess nifs li ngħidu li
sa ftit snin oħra rridu neradikaw għal kollox il-karozzi li jaħdmu bil-fossil fuels.
Protesti u
azzjoni mill-Oppożizzjoni
dwar l-iffriżar tal-embrijuni u s-surrogazzjoni, suġġetti li dwarhom uriet diżapprovazzjoni anke
l-President ta’ Malta, għall-ewwel darba fl-istorja, iżda li l-Gvern ħass li
kellu jibqa’ għaddej bihom u jibdel għal kollox il-kunċett tal-bidu tal-ħajja.
Protesti
dwar siti tal-kostruzzjoni li ma jirrispettawx lir-residenti tal-madwar, fejn ċertu żviluppaturi jitħallew jagħmlu li jridu, u saħansitra uħud
iħossuhom tant onnipotenti li jippruvaw iweġġgħu Kunsillier Lokali li kien
voċiferu favur l-interessi tar-residenti.
Protesti fuq traffiku mingħajr kontroll, protesti fuq xogħol prekarju, protesti fuq
prezzijiet għolja
tal-proprjetà, kemm biex tixtri u kemm biex tikri, protesti fuq l-ogħli tal-ħajja,
partikolarment l-ikel u issa anke l-ħobż, protesti dwar il-korruzzjoni u
n-nuqqas ta’ ġustizza...u l-lista tkompli.
Possibbli li dawn huma sintomi li juru li qegħdin verament fl-Aqwa Żmien?
Possibbli li kulmin qed jgħolli leħnu biex jipprotesta huwa żbaljat, irid ifixkel il-Gvern, huwa traditur, u ma jridx il-ġid lil pajjiżna?
U meta nersqu għal
Settembru, u nkunu lejn l-aħħar
tas-Sajf, se nsibu dawn il-problemi solvuti jew sempliċiment aġġornati
wkoll għax-xitwa? Il-poplu
x’se jagħmel? Se jibqa’ jbati
l-konsegwenzi tax-xogħol
tal-kostruzzjoni bla kontroll, se jkompli jara siġar
jitqaċċtu, art tinqered, toroq mimlija traffiku, prezzijiet
bla kontroll, ogħli tal-ħajja eżaġerat, nies jagħmlu li jridu?
Fuq kollox… se
jkun gawda minn btajjel
tas-sajf kif jixraqlu jew dan huwa
privileġġ ta’ Ministru,
Segretarju Parlamentari jew Person-of-Trust biss?
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Ħadd 8 ta' Lulju 2018
Comments
Post a Comment