Tort tal-ġenituri!
Il-wegħda
tat-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti ilha
li saret mill-budget ta’ sena ilu.
Tliet snin wara li kienet proposta fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista. Li
jfisser li l-Gvern kellu żmien kemm irid biex jippjana kemm nies ħa jiġu
bżonnha, kemm il-vettura ħa jkun jeħtieġ biex ikopri r-rotot kollha, u kemm
il-operatur ħa jkollu jinvolvi.
Iżda ftit ġranet
qabel ma bdiet is-sena skolastika l-ġenituri ma kellhom l-ebda idea ta’ din kif
ħa taħdem. U tant il-Gvern kien qata’ qalbu li jsolvi s-sitwazzjoni li
l-Ministru Bartolo qal lill-ġenituri biex jaħsbu għat-trasport huma mbagħad
jieħdu refund.
Sadattant,
il-Prim Ministru l-Ħadd li għadda spiċċa jwaħħal fil-ġenituri li ħallew
għall-aħħar. Tajjeb. Mela l-Gvern jgħidilhom li ħa jipprovdilhom it-trasport,
iħalliehom fil-għama dwar kif ħa titħaddem is-sistema, iħalli kollox
għall-aħħar, ma jagħtix ċans lill-operaturi biex jekk hemm bżonn jinvestu
f’aktar vetturi, imbagħad iwaħħal fil-ġenituri. Għax qisu l-ippjanar tagħha
mhux responsabbilità tiegħu kienet! Jekk ma
kinetx, mela ma nafx għala qiegħed hemm. Miskin tort ta’ kulħadd imma qatt mhu
tort tiegħu.
Iż-żgħażagħ iridu jkunu l-mutur tagħna
Meta l-Partit
Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu, il-preżenza taż-żgħażagħ kienet qawwija.
Kienet tinħass fl-istrutturi u fl-attivitajiet kollha. Kienet tinħass fil-Grupp
Parlamentari nnifsu.
Sfortunatamet
maż-żmien il-Partit waqaf jinvesti fiż-żgħażagħ biex ikunu politiċi ta’ għada.
Biex ikunu preparati u infurmati fuq il-politika. Din is-sitwazzjoni rajna
mill-ewwel li hemm bżonn tiddawwar illum qabel għada.
U huwa għalhekk
li l-Partit Nazzjonalista issa qed iniegħed il-programm ta’ formazzjoni Future Leaders. Dan il-programm ta’
taħriġ u żvilupp għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-24 sena ser ikun qed jiġi
kordinat mill-AŻAD, u ser jinvolvi esperti fil-qasam u politiċi b’esperjenza.
L-iskop ta’ dan
il-programm huwa li fil-Partit Nazzjonalista terġa’ titla’ ġenerazzjoni ta’
żgħażagħ li jafu l-politika, li preparati għal ħajja politika ta’ żminijietna,
kif jinteraġixxu mal-midja, mal-pjattaformi soċjali, mal-ġurnalisti, kif
janalizzaw il-problemi politiċi ta’ żminijietna u jikkomunikaw ħsibijiethom
man-nies, xi jfisser li tkun Partit demokristjan, x’inhuma l-valuri li jmexxuna
u li sawruna, x’inhu l-kuntest soċjo-politiku u demografiku li qed naħdmu fih,
u kif taħdem l-Unjoni Ewropea, li issa ilna membri tagħha 14-il sena.
Dan il-kors
jikkumplimenta l-ħolqien tal-fergħa l-ġdida Start
fil-Partit, għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u 18-il sena, u l-ftuħ tal-Eżekuttiv
tal-Partit għal tal-inqas 14-il membru żagħżugħ. Ċert li dawn ir-riformi ħa
jkunu qed jiżirgħu ż-żerriegħa għal futur sabiħ għal Partit Nazzjonalista.
Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta' Settembru 2018
Comments
Post a Comment