Skip to main content

Flimkien mal-mara 'l quddiem

 Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 7 ta' Marzu 2021




M’hemm l-ebda progress veru mingħajr is-sehem sħiħ tal-mara f’kull attività tal-bniedem. Sa mill-bidunett il-mara kienet hemm u mingħajrha ħadd minna kieku mhu qiegħed hawn. Illum fil-biċċa l-kbira tal-postijiet fid-dinja, inkluż f’Malta, insibu il-mara mhux biss protagonista tal-istess ħajja u trobbija tal-ulied, imma insibuha preżenti b’mod kreattiv u produttiv fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, kulturali u anke politiċi.

L-ewwel pass fl-1947

F’Malta il-mara għamlet avvanzi kbar tul l-aħħar 35 sena. L-ewwel mertu u bis-saħħa tagħha, imbagħad bis-saħħa ta’ għaqdiet ċivili tan-nisa, imbagħad anke bis-saħħa tal-politiċi. Pass importanti sar fl-1947 fi l-Assemblea Nazzjonali li fasslet il-Kostituzzjoni ġdida li daħlet fis-seħħ dik is-sena tat id-dritt tal-vot lil kull mara bħal kull raġel. Wara dan il-pass r-ritmu għall-avvanza tal-mara fuq livell legali u politiku kien kajman għal ħafna snin. Fis-sittinijiet il-gvern ta’ Borġ Olivier fetaħ it-triq għal paga indaqs mal-irġiel fis-settur pubbliku. Fis-sebgħinijiet il-gvern ta’ Mintoff estenda din l-ugwaljanza għas-settur privat. Imma imbagħad kellu jkun il-gvern ta’ Fenech Adami li ġab rivoluzzjoni favur l-ugwaljanza tal-mara mar-raġel.

Hekk kif fetaħ il-Parlament fl-1987 wara r-rebħa tal-PN, l-ewwel liġi li Fenech Adami  għadda mill-Parlament kien l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropeja li bih dil-Konvenzjoni saret  parti mil-ligi ta’ Malta. B’hekk l-artikolu 14 tal-istess Konvenzjoni li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għall-ewwel darba f’Malta sar part mill-qafas legali.

Ftit wara, b’inizjattivi dak iż-żmien ta’ Louis Galea Ministru tal-Politika Soċjali, il-Gvern biddel il-Kostituzzjoni biex id-dritt għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jiġi rikonoxxut bħala dritt fondamentali. B’hekk l-ebda liġi u l-ebda awttorità ma setgħet aktar tiddiskrimina kontra l-mara.

Dan fetaħ it-triq biex ġiet riformata mill-qiegħ il-liġi tal-familja bis-saħħa ta’ konsultazzjoni wiesgħa imnedija b’Whita Paper SĦAB INDAQS FIŻ-ŻWIEĠ. Dan wassal biex il-gvern ressaq il-liġi biex minn saħħa u predominanza tar-raġel fiż-żwieġ u fil-familja ngħaddu għal tmexxija flimkien indaqs bejn il-mara u r-raġel. Il-liġi ġabet ugwaljanza kemm fil-liġi tal-propjetà kif ukoll fil-liġi tal-persuni. 

Fl-1987 il-Gvern mill-ewwel waqqaf il-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u aktar tard għadda il-liġi – L-Att dwar l-Ugwaljanza bejn Irġiel u Nisa (Kap 456) – biex din issir permanenti bl-iskop li fuq bażi ta’ kuljum tgħasses ħalli n-nisa jgawdu fil-milja tagħhom id-drittijiet daqs l-irġiel u biex kull mara jkollha s-saħħa tieħu l-passi ħalli ħadd ma jżeblagħha, inkluż billi l-fastidju sesswali sar reat speċifiku. Din l-ispinta ġabet magħha tibdil fil-liġijiet tax-xogħol, income tax, soċjali u pensjonijiet u liġijiet oħra. 

Imma l-akbar kontribut ta’ Gvern Nazzjonalista għall-ugwaljanza tal-mara kien il-ftuħ beraħ tal-bibien tal-edukazzjoni. Minn Università bi ftit mijiet b’maġġoranza ta’ rġiel Gvernijiet Nazzjonalista bnew Università tal-eluf b’maġġoranza ta’ nisa f’kull qasam ta’ tagħlim u speċjaliżżazzjoni, numru sew minnhom oqsma ġodda.

Fl-istess waqt biddel il-bażi ekonomika mill-qiegħ sabiex ġab setturi ġodda tal-ekonomija fejn il-ħila tal-mara setgħet tibbrilla – is-settur tas-servizzi finanzjarji, l-industrija tal-farmaċewtika u l-mediċini, dik tal-avjazzjoni, servizzi marittimi. Il-gvern kabbar u wessa’ is-servizzi ta’ welfare u wellbeing fl-oqsma soċjali, edukattivi, tas-saħħa u sportivi.

Pass rivoluzzjonarju

Pass ieħor rivoluzzjonarju li minnu il-mara Maltija u Għawdxija gawdiet bla qies kienet is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Waħda mir-rebħiet soċjali li kiseb il-gvern b’din is-sħubija kienet li daħħalna parti sħiħa fil-mudell soċjali Ewropew. Dan kien il-mudell l-aktar progressiv fid-dinja, mudell li tal-Labour iġġieldu bil-kbir biex ma nsirux parti minnu. Tiftakru? Kien hawn fejn il-mara ma stenniet lil ħadd u uriet il-ħila u l-intelliġenza tagħha billi b’ottiżmu, kuraġġ u avventuriżmu ħatfet l-opportunitajiet kollha li offriet l-Ewropa – fl-edukazzjoni, fil-kultura, fix-xjenza, fl-iskambji fil-businesses, universitajiet u kull settur tal-ħajja.

Dan biex niftakru ftit li l-progress veru favur il-mara ġabuh Gvernijiet Nazzjonalisti kontra l-perċezzjoni żbaljata ta’ ħafna, frott propoganda qarrieqa, li dan kien biss frott tal-Labour. Fl-aħħar snin il-Gvern Laburista, wara l-istorja tal-mistħija fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet fir-rigward tal-ugwaljanza tal-mara, kompla jibni b’diversi miżuri fuq is-sisien sodi u infrastruttura li bnew il-Gvernijiet Nazzjonalsiti ta’ qabel.

Wasalna fejn suppost? Le, jonqos ħafna x’intejjbu, u dejjem x’ngħassu. Bħalissa qed isir xogħol biex ikollna aktar nisa fil-Parlament. Dan għandu jixpruna lil ħafna nisa u tfajliet biex jieħdu sehem f’kull livell ta’ tmexxija kull fejn ikunu. 

Jien nemmen b’qawwa li aktar kemm ikollna soċjetà fejn in-nisa u l-irġiel ikunu indaqs f’kullox u f’kull ħin aktar ikollna soċjetà b’saħħitha, fil-paċi u fil-ġid.




Comments

Popular posts from this blog

Elezzjoni għal Viċi Kap

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ Viċi-Kap li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta' tiġdid li għaddej minnu l-Partit stess, biex ikun jista' jkompli jwettaq il-bidliet pożittivi f'pajjiżna. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija li nhar is-Sibt li għadda kont wieħed minn tal-ewwel li iffirmajt in-nomina ta' Dr. Simon Busuttil għal din il-kariga tant importanti. Nawguralu minn qalbi.

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is ...

Inħarsu ‘l Quddiem

G ħaddew aktar minn ġimgħa u nofs minn mindu saret l-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ġimgħa u nofs li matulhom Adrian Delia beda jħalli l-marka tiegħu fuq il-Partit. Id-diskors fil- meeting tal-Indipendenza, u l-intervisti li sarulu minn ġurnali Maltin bdew jagħtu ħjiel ta’ x’ser ikunu l-prioritajiet tiegħu. Fost l-oħrajn semma ħafna l-qagħda preokkupanti tan-nies bi qliegħ baxx u l-pensjonanti, li kompliet toħroġ fil-beraħ hekk kif l-istatistika qed turi żieda oħra fl-ammont ta’ nies fir-riskju ta’ faqar. Priorit à oħra hija l-ġlieda għall-ġustizzja, li tinkludi kemm il-ġlieda biex nerġgħu nibnu l-istituzzjonijiet li jidher ċar li kkrollaw (u din il-ġimgħa erġajna rajna xhieda inkwetanti tal-ex-investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris, li kixef l-indħil u n-nuqqas ta’ kontrolli u sigurtà li kien hemm f’din l-istituzzjoni daqstant importanti u sensittiva), kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità li qiegħda kulma jmur tiżdied. Hawnhekk il-Gvern qed jonqos bil-kbir, ...