Għaddew aktar minn ġimgħa u nofs minn mindu saret l-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ġimgħa u nofs li matulhom Adrian Delia beda jħalli l-marka tiegħu fuq il-Partit. Id-diskors fil-meeting tal-Indipendenza, u l-intervisti li sarulu minn ġurnali Maltin bdew jagħtu ħjiel ta’ x’ser ikunu l-prioritajiet tiegħu.
Fost l-oħrajn semma ħafna l-qagħda preokkupanti tan-nies bi qliegħ baxx u l-pensjonanti, li kompliet toħroġ fil-beraħ hekk kif l-istatistika qed turi żieda oħra fl-ammont ta’ nies fir-riskju ta’ faqar.
Priorità oħra hija l-ġlieda għall-ġustizzja, li tinkludi kemm il-ġlieda biex nerġgħu nibnu l-istituzzjonijiet li jidher ċar li kkrollaw (u din il-ġimgħa erġajna rajna xhieda inkwetanti tal-ex-investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris, li kixef l-indħil u n-nuqqas ta’ kontrolli u sigurtà li kien hemm f’din l-istituzzjoni daqstant importanti u sensittiva), kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità li qiegħda kulma jmur tiżdied. Hawnhekk il-Gvern qed jonqos bil-kbir, fejn huwa evidenti li l-infurzar m’għadu jeżisti fl-ebda livell, la fit-traffiku, la fil-kontroll tal-kaċċa, la fil-kontroll tal-metodi tal-bini, la fl-imwejjed u s-siġġijiet li jiżgumbraw il-bankini, xejn. Pajjiż fejn kulħadd jagħmel li jrid u jgħaffeġ fuq xulxin.
Semma wkoll, kif għamel għal diversi drabi matul il-kampanja tiegħu, l-edukazzjoni. Edukazzjoni li tiffoka fuq li tgħallem lil uliedna jaħsbu, jiddiskutu, jikkritikaw, jirraġunaw, aktar milli fuq li jitgħallmu bl-amment.
Sfida politika oħra li għandna hija li nieqfu għal mod kif Joseph Muscat qiegħed kulma jmur jattakka l-valuri u l-fibra morali li tagħmilna Maltin. Bl-għan ikun wieħed, dik li l-poplu jirraġuna li “xejn mhu xejn”, li “kollox jgħaddi”, u allura l-poplu jkun kapaċi ħafna iżjed jagħlaq għajnejh għal korruzzjoni li jwettqu Muscat u l-Ministri tiegħu.
Ħadt pjaċir ħafna wkoll li f’intervista minnhom, il-Kap semma l-immaniġġjar tal-iskart u l-problema tal-ilma bħala żewġ sfidi kbar li ma tantx qed nitkellmu fuqhom. Dawn huma problemi nazzjonali li issa ilni snin insemmi, u huwa importanti li quddiem in-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gver ikun il-Partit Nazzjonalista li jieħu l-inizjattiva u jimbuttahom ‘il quddiem fuq l-aġenda nazzjonali.
Infittxu dak li jgħaqqadna
Quddiem sfidi bħal dawn, sfidi li lkoll żgur li naqblu fuqhom, huwa ħafna aktar importanti li ningħaqdu bħala Partit. Ma nistgħux inħallu lil Muscat u l-klikka tiegħu jibqgħu jirrumblaw waqt li aħna nkunu mehdija nilletikaw bejnietna. Il-proċess elettorali issa għadda, il-problema tas-siġġu Parlamentari issa ġiet riżolta (u minn hawn insellem lil Jean Pierre Debono għal ġest li kien lest jagħmel), u allura ma għandniex nibqgħu iktar inqajmu dubji bejnietna u nitfgħu l-botti ‘l xulxin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista issa huwa Adrian Delia, u lkoll flimkien għandna nfittxu li ngħinuh jiġġieled għal dawn il-prioritajiet politiċi u dawn il-valuri li dejjem għaqqduna. Jekk le, inkunu qed inkunu kompliċi ma’ Joseph Muscat u l-klikka ta’ Kastilja fil-kollass tal-istituzzjonijiet li għadha timmanipula, fil-mod kif serqet il-poplu Malti, u fl-attakk ippjanat li qed tagħmel fuq il-valuri bażiċi tan-Nazzjon tagħna.
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta' Settembru 2017.
Comments
Post a Comment