Skip to main content

Il-ħażin jherri t-tajjeb

Artiklu ppubblikat fil-Mument tal-Ħadd 28 ta' Frar 2021



 

Hija fin-natura tal-bniedem li jinġarr mal-kurrent; li jagħlaq għajnejh għal dak li hu ħażin sakemm ma jolqotx lilu; li kollox jgħaddi basta mhux wara biebu; li kollox sew sakemm hu qed ipappieha. Jagħmel hekk mhux għax kattiv, jew għax hu bniedem ħażin, imma għax dak ikun l-eħfef mod biex jirnexxielu jkampa mentalment quddiem l-inġustizzji u l-korruzzjoni.

Iżda l-istorja turina li kull darba li nagħmlu hekk inkunu qed inħallsu aħna stess, u uliedna, għall-konsegwenzi li jirriżultaw. 

Fil-verità dan mhux xi fenomenu biss li ngħixu hawn Malta. 

Fl-aħħar tmien snin nistgħu ngħidu li dan il-fenomenu sar l-ideoloġija u l-programm tal-Partit u l-Gvern Laburista. L-istrateġisti tal-partit qed jagħżlu li jirkbu fuq din id-dgħjufija tal-bniedem – li jsibha aktar faċli jagħlaq għajnejh għall-ħażin milli jkollu l-kuraġġ jiġġilidlu. 


Malta b’livell daqshekk baxx ta’ fiduċja

Din hi ideoloġija u programm li daħlu lill-poplu f’waħda mill-akbar kriżijiet politiċi li qatt kellna b’konsegwenzi serji fuq l-ekonomija u l-ħaddiema ta’ pajjiżna. Qatt daqs issa Malta ma kellha livell daqshekk baxx ta’ fiduċja fix-xena Ewropea u internazzjonali. Spiċċajna m’għadniex fdati kif inhu meħtieġ. U l-fiduċja hija l-bażi ta’ kull relazzjoni.

It-traġedja tal-assassinju politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadha qed tirbombja bil-kbir f’pajjiżna. Din hi traġedja li seħħet għax il-Gvern Laburista ħoloq l-atmosfera u l-ambjent biex da isseħħ. Bil-provi illum nafu li Daphne kienet qed tikxef korruzzjoni enormi fl-ogħla livelli tal-Gvern Laburista sa mill-bidu tal-amministrazzjoni fl-2013.

Il-Partit Laburista ma għamel xejn biex jevita din l-atmosfera u ambjent ta’ korruzzjoni. Għal kuntrarju ta s-sinjali kollha possibbli li kulħadd jista’ jagħmel li jrid b’impunità sħiħa – nepotiżmu u patrunaġġ bla rażan; ħadd ma jasal imkien jekk mhux tal-Partit, mill-ogħla istituzjonijiet sa l-iċken impieg, inkluż impiegi fittizji biex ma tmurx għax-xogħol; il-meritokrazija intremiet il-baħar; ir-regolamenti spiċċaw lanqas jiswew ħaqq il-karti miktubin fuqhom; Direct Orders bil-miljuni u lil tal-qalba; kuntratti maħduma bizzilla sa minn qabel ma telgħu fil-gvern; l-Awtoritajiet qishom biċċa lastiku jiġġebbdu skont “x’għandhom bżonn tal-qalba”; xiri ta’ voti bi pjaċiri li għalihom iħallas il-poplu bit-taxxi tiegħu.

Din il-ġimgħa wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne AMMETTA l-akkuża u laħaq ftehim li jagħti informazzjoni dwar reati kriminali oħra, u ħa sentenza ridotta ta’ ħmistax-il sena ħabs. Wasalna biex jittieħdu passi għaliex persuna oħra, Melvyn Theuma, ingħata proklama biex isalva ġidu u kixef dak li kien jaf dwar l-assassinju ta’ Daphne. U wasalna biex Melvyn Theuma jieħu l-proklama għax meta arrestawh inzerta li ma sabx quddiemu l-ispettur “orrajt” li avżawh qabel li kellu jinterrogah. U Melvyn beża’, u qabad jitkellem.

Dan kollu seta’ ġie evitat. Kif? Kieku l-Partit Laburista, Prim Ministru, Ministru u Membri Parlamentari tiegħu, qdew dmirhom u baqgħu leali lejn il-poplu u l-Kostituzzjoni kif ħalfu bil-ġurament meta telgħu fil-gvern. Kieku Joseph Muscat ħa l-passi ovvji dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi hekk kif bdew ħerġin il-fatti. Kieku fin-nuqqas ta’ Muscat, dawn il-passi ħaduhom il-Membri Parlamentari Laburisti fil-voti ta’ fiduċja li ttieħdu fil-Parlament. Kieku Edward Scicluna flok għalaq għajnejh għal ħażin biex ma jitlifx il-paga, rabba sinsla u qal “Le”. Kieku dan sar, kieku Malta ma daħlitx fi kriżi. Kieku Malta għadha tgawdi r-reputazzjoni tajba li kellha. Kieku s-servizzi bankarji mhumiex fi kriżi. Kieku maħniex f’riskju ma ngħaddux mill-Moneyval. Kieku eluf ta’ imjpiegi fis-servizzi finanzjarji u l-gaming mhumiex fil-periklu.

U kieku Daphne Caruana Galizia għadha ħajja. 

Jien minix wieħed minn dawk li nara kollox ħażin. Nara li qed isiru ħafna ħwejjeġ tajbin ta’ kuljum fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-infrasttrutura, u f’oqsma oħra. Imma anke dan it-tajjeb qed jiġi infettat u mherri mill-ħażen li tħalla jirrenja bla rażan matul dawn l-aħħar snin. Għax l-għażliet li jsiru mhumiex isiru skont x’jaqbel il-poplu. Skont l-interess tal-ġid komuni. Iżda skont minn fejn dawk tal-qalba ser jagħmlu lira. Jew ewro. F’ċertu każi, anke ħamest elef minnhom kuljum.


Naħdmu favur il-kultura tal-ġid komuni

Dmirna fil-Partit Nazzjonalista hu li naħdmu favur il-kultura tas-sewwa. Favur il-kultura tal-ġid komuni. Hemmhekk igawdi kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. U kulħadd ikun jista’ jgħix bis-serħan tal-moħħ li meta ser jiġi bżonn l-istituzzjonijiet, ser isibhom jipproteġuh, hu min hu, u mhux jipproteġu lill-kriminali.



Comments

Popular posts from this blog

Elezzjoni għal Viċi Kap

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ Viċi-Kap li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta' tiġdid li għaddej minnu l-Partit stess, biex ikun jista' jkompli jwettaq il-bidliet pożittivi f'pajjiżna. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija li nhar is-Sibt li għadda kont wieħed minn tal-ewwel li iffirmajt in-nomina ta' Dr. Simon Busuttil għal din il-kariga tant importanti. Nawguralu minn qalbi.

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is ...

Inħarsu ‘l Quddiem

G ħaddew aktar minn ġimgħa u nofs minn mindu saret l-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ġimgħa u nofs li matulhom Adrian Delia beda jħalli l-marka tiegħu fuq il-Partit. Id-diskors fil- meeting tal-Indipendenza, u l-intervisti li sarulu minn ġurnali Maltin bdew jagħtu ħjiel ta’ x’ser ikunu l-prioritajiet tiegħu. Fost l-oħrajn semma ħafna l-qagħda preokkupanti tan-nies bi qliegħ baxx u l-pensjonanti, li kompliet toħroġ fil-beraħ hekk kif l-istatistika qed turi żieda oħra fl-ammont ta’ nies fir-riskju ta’ faqar. Priorit à oħra hija l-ġlieda għall-ġustizzja, li tinkludi kemm il-ġlieda biex nerġgħu nibnu l-istituzzjonijiet li jidher ċar li kkrollaw (u din il-ġimgħa erġajna rajna xhieda inkwetanti tal-ex-investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris, li kixef l-indħil u n-nuqqas ta’ kontrolli u sigurtà li kien hemm f’din l-istituzzjoni daqstant importanti u sensittiva), kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità li qiegħda kulma jmur tiżdied. Hawnhekk il-Gvern qed jonqos bil-kbir, ...