Skip to main content

Inqumu mir-raqda!

 Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 28 ta' Marzu 2021


Lanqas in-Netflix mhu kapaċi jipproduċi sensiela hekk twila ta’ episodji ta’ korruzzjoni u abbużi daqs kemm qed jirnexxielhom tal-Labour. Ma tlaħħaqx. Anqas tkun taf minn fejn ser tibda. Tisma’ episodju u tinsa l-ieħor. U dan hu l-perikolu. Minbarra it-theddida tal-panedmija, għandna it-theddida li l-poplu jaqta’ qalbu u jinfetta ruħu bl-imxija tax-‘xejn mhu xejn’. 



MHUX IT-TNEJN L-ISTESS!

Le, mhux iż-żewġ partiti l-istess. Hemm differenzi kbar bejn il-PN u L-PL. Il-PN għandu paġni koroh, deċiżjonijiet żbaljati, seta’ għamel aktar u aħjar, fl-istorja tiegħu. Imma l-miżien tal-PN jiżen favur it-tajjeb bil-bosta aktar milli favur il-ħażin.

Il-Labour huwa wkoll protagonist tal-istorja ta’ pajjiżna. Ukoll għamel ħafna ġid. Ukoll seta’ għamel aktar u aħjar. Imma l-istorja turi li hemm għeruq fit-twemmin u fl-imġieba tal-Labour li jagħmilhom jidhru qaddisin meta fl-Oppożizzjoni u li jinbidlu meta jkunu fil-gvern. Il-lupu liebes ta’ ħaruf. L-istorja turina rabta fil-fond bejn il-Labour u l-kriminalità organizzata, rabta li ilha tirrepeti ruħha fl-istorja ta’ pajjiżna. Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet ukoll kellna Gvern Laburista ta’ abbużi, korruzzjoni, vjolenza galore, immunità, frame-ups, taħwid – li spiċċaw ħallewna pajjiż tat-tielet dinja. U issa wkoll – Gvern Laburista li għandu r-rekord assolut ta’ abbużi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus, qtil, ħsara lil Malta b’konsegwenzi serji. B’Ministri nfushom involuti direttament fil-kriminalità! Mhux aħna qed ngħiduh, il-kriminali u x-xhieda tal-Istat qed jgħiduh.

Le mhux it-tnejn l-istess… umilment nemmen li hemm differenzi kbar. Min jgħid li t-tnejn huma l-istess ikun kompliċi fil-propoganda tal-Labour li dak li qed nassistu għalih mhu xejn straordinarju u l-poplu għandu jaċċettah. Ejja inqumu mir-raqda! Għandna dritt nippretendu aħjar għal pajjiżna.


MA JRIDUX JINBIDLU – IL-KORRUZZJONI SISTEMA TA’ KONDOTTA

Jien nemmen li fost l-eluf kbar li jappoġġjaw lill-Labour hemm eluf li huma Maltin serji u ġewnini. Għandhom dritt sħiħ għall-opinjoni tagħhom u jien nirrispettaha. Anzi jien nemmen li Malta għandha bżonn li jkollha partiti differenti, il-Knisja, is-soċjetà ċivili u NGOs attivi oħrajn.

Imma lil dawn l-eluf ġenwini insaqsihom: Possibbli lesti tibqgħu ċassi quddiem sitwazzjoni fejn ħafna minn sħabkom u n-nies li emmintu fihom huma kriminali? Għaliex ħafna partitarji Laburisti meta jikkumentaw fuq il-media isostnu li “aħna ma jimpurtaniex mill-korruzzjoni”. Għaliex jaċċettaw li l-mexxej, uffiċjali, Ministri u Deputati huma daqshekk beżżiegħa li mhux kapaċi jagħżlu l-verità u jieqfu favur is-sewwa? Għaliex l-ebda kelma ta’ dispjaċir dwar il-kwantità ta’ każi ta’ abbużi, serq, korruzzjoni u anke qtil? Kif jista’ il-Labour ikun strument ta’ fejda fi stat bħal dan? Imbagħad tiġu tgħidu li l-Partit Nazzjonalista “negattiv”?

Id-diska imġenġla tal-Labour hi: Għax ma tarawx x’ġara fi żmienkom? Ir-risposta tagħna hi: Għidulna, x’ġara? Għax f’kull każ li jsemmu issib li jew ittieħdu l-passi kontra n-nies involuti, kienu min kienu, jew dak li jsemmu hu gidba. Hekk kif illum nafu li kienet gidba l-propoganda dwar il-korruzzjoni tal-power station BWSC. Hekk kif illum nafu li kienet gidba l-istorja dwar il-korruzzjoni ta’ Anthony Debono, ir-raġel ta’ Giovanna, storja fejn Robert Abela innifsu kien l-avukat tal-kuntrattur “whistleblower” li ma ġiex emmnut mill-Qorti; u fejn il-prosekutur kien l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, dak li kull rapport tal-FIAU li wasal quddiemu ħbieh u ma ressaqx lil min kellu jressaq, imma lil bniedem innoċenti għoġbu jressqu. Biex insemmu żewġ eżempji biss.

Illum nafu li dak il-gideb u tajn li waddbu kienu qed jitfgħuh biss biex jippruvaw jiġġustifikaw il-kriminalità reali li kienu qed iwettqu huma. Dik li tfisser meta jgħidu “Għax ma tarax x’għamlu tal-PN”. Inqumu mir-raqda!


MILL-OPRI TIEGĦEK NAGĦRFEK

Tajjeb infakkru ftit ir-rekord tal-PN fil-Gvern. Għal-lum infakkar biss:

Daħħal lil Malta fid-dinja tat-telekommunikazzjoni diġitali;
Ipprovda sorsi ta’ ilma u enerġija kostanti;
Tana sistema ta’ tisfija tad-drenaġġ biex il-baħar u l-bajjiet tagħna tnaddfu;
Bena biżbilju toroq ġodda, flyovers, mini, u xogħlijiet infrastrutturali li bidlu pajjiż;
Bena sptar ġdid u immodernizza s-sistema kollha tas-saħħa;
Ittripla il-bini tal-Università u għamilha b’xejn għal kulħadd;
Waqqaf l-MCAST u fassal u beda Campus ġdid;
Bena skola ġdida kull sena u immodernizza l-iskejjel kollha;
Ta l-istipendju lill-istudenti post sekondarji kollha;
Żied il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet;
Appoġġja l-arti u l-kultura f’kull sfera;
Bena diversi ċentri sportivi, inkluż skola dedikata għall-Isport.

Lanqas il-gazzetta kollha mhi biżżejjed biex infakkru ir-rekord sabiħ u ta’ ġid enormi li wettqu gvernijiet nazzjonalisti. U dan apparti ir-rekord storiku li għamel lil Malta nazzjon indipendenti u daħħalna membri fl-Unjoni Ewropea. U dejjem, madwar id-dinja, żamm lil Malta bħala pajjiż ammirat, fdat u rispettat. Kollu grazzi għal politiċi kompetenti, b’viżjoni u serji. Għax iva, lanqas il-politiċi mhuma kollha l-istess. U le, mhux dejjem konna hekk. Inqumu mir-raqda!


GRAZZI GĦAS-SERVIZZ TAS-SAĦĦA

Dan l-aħħar erġajt missejt mas-servizzi tal-Isptar Mater Dei. Veru mhux kollox tajjeb u perfett. Imma ħassejtni grat u kburi li f’dan in-naqra ta’ pajjiż għandna servizz nazzjonali tas-saħħa b’xejn (jiġifieri imħallas mit-taxxi tagħna) u hekk professjonali. Ilkoll – mill-Ministru sal-iċken wieħed fostna – għandna napprezzaw dan il-wirt u naħdmu l-ħin kollu biex insaħħuh.


MARATONA DALGĦODU

Inqumu mir-raqda u llum nagħmlu sforz biex nagħtu mill-aħjar li nistgħu. Bil-ftit mill-ħafna għall-ġid ta’ pajjiżna; ta’ uliedna u l-familji tagħna. Il-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija ta’ Bernard Grech qed juri li tassew hu kapaċi jagħti Paġna Ġdida lil Pajjiżna. Grazzi bil-quddiem.




Comments

Popular posts from this blog

Elezzjoni għal Viċi Kap

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ Viċi-Kap li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta' tiġdid li għaddej minnu l-Partit stess, biex ikun jista' jkompli jwettaq il-bidliet pożittivi f'pajjiżna. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija li nhar is-Sibt li għadda kont wieħed minn tal-ewwel li iffirmajt in-nomina ta' Dr. Simon Busuttil għal din il-kariga tant importanti. Nawguralu minn qalbi.

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is ...

Inħarsu ‘l Quddiem

G ħaddew aktar minn ġimgħa u nofs minn mindu saret l-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ġimgħa u nofs li matulhom Adrian Delia beda jħalli l-marka tiegħu fuq il-Partit. Id-diskors fil- meeting tal-Indipendenza, u l-intervisti li sarulu minn ġurnali Maltin bdew jagħtu ħjiel ta’ x’ser ikunu l-prioritajiet tiegħu. Fost l-oħrajn semma ħafna l-qagħda preokkupanti tan-nies bi qliegħ baxx u l-pensjonanti, li kompliet toħroġ fil-beraħ hekk kif l-istatistika qed turi żieda oħra fl-ammont ta’ nies fir-riskju ta’ faqar. Priorit à oħra hija l-ġlieda għall-ġustizzja, li tinkludi kemm il-ġlieda biex nerġgħu nibnu l-istituzzjonijiet li jidher ċar li kkrollaw (u din il-ġimgħa erġajna rajna xhieda inkwetanti tal-ex-investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris, li kixef l-indħil u n-nuqqas ta’ kontrolli u sigurtà li kien hemm f’din l-istituzzjoni daqstant importanti u sensittiva), kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità li qiegħda kulma jmur tiżdied. Hawnhekk il-Gvern qed jonqos bil-kbir, ...