Skip to main content

Fatti mhux allegazzjonijiet



Fil-ġranet li għaddew faqqgħet l-istorja żvelata minn Reuters u minn Times of Malta, li għaqqdet flimkien il-jigsaw puzzle tal-proġett “monument tal-korruzzjoni” tal-Electrogas, il-kumpaniji sigriet fil-Panama, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

L-unika argument ta’ difiża li uża l-Gvern, kemm fil-propoganda tiegħu, kemm fir-risposti li taw il-Ministri u d-Deputati meta ffaċċjati mill-media, u anke f’dak li qalu fid-dibattitu msejjaħ b’urġenza fil-Parlament mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nhar it-Tnejn li għadda, hija li “għandna nistennew ir-riżultat tal-inkjesti”. Argument fażull u qarrieq, għal fatt li mhux biss ma hemm l-ebda inkjesta miftuħa dwar 17 Black, iżda għax agħar minn hekk, l-inkjesta li talbet l-Oppożizzjoni fuqha qed tipprova titwaqqaf fil-Qrati minn Joseph Muscat innifsu. Joseph Muscat lanqas biss irid li ssir investigazzjoni biex insiru nafu l-verità, fl-istess nifs li jgħidilna li jrid jistenna t-tmiem tal-investigazzjoni.

Iżda f’pajjiż normali, lanqas ikollna għalfejn immorru l-Qorti nitolbu inkjesta. F’pajjiż normali, lanqas ikollna bżonn tinfetaħ inkjesta. Għax inkjesta mhi xejn ħlief ġabra tal-provi. F’pajjiż normali, quddiem dawn il-fatti, il-Pulizija minn rajjha tiftaħ investigazzjoni u tarresta lil dawk involuti biex tinterrogahom. Dan għadu ma seħħx, u ma seħħx għax huwa Joseph Muscat li ma jridx li dawn jiġu investigati.



Għax b’differenza minn każi oħra, issa mhux nitkellmu fuq allegazzjonijiet. Issa mhux nibbażaw biss fuq il-kelma ta’ whistleblower. Issa mhux nibbażaw fuq affidavit miktub mill-ġurnalist innifsu li ppubblika l-istorja. Issa qed nibbażaw fuq fatti u fuq provi. Infatti, issa m’għadek tisma’ l-ebda esponent tal-Partit Laburista jgħidlek “imma fejn huma l-provi?” jew “ġibulna l-provi”. Għax issa l-provi u l-fatti qed jarahom kulħadd. U x’inhuma dawn il-fatti?


  1. Tlett ijiem wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali 2013, Konrad Mizzi u Keith Schembri bdew il-proċess biex jiftħu kumpaniji sigrieti l-Panama.
  2. Iddikjaraw huma stess, bil-miktub, li dawn il-kumpaniji ħa jirċievu €150,000 fix-xahar mingħand 17 Black u Macbridge, kumpaniji sigrieti reġistrati fid-Dubai. €5,000 kuljum, għal min jaf kemm-il sena.
  3. Issa nafu, grazzi għal fatt li l-kontijiet ta’ 17 Black fin-Noor Bank ġew friżati wara investigazzjoni fuq il-kumpanija mill-UAE minħabba ħasil ta’ flus, li 17 Black hija ta' Yorgen Fenech, CEO ta’ Tumas Group u partner fil-proġett tal-powerstation tal-Electrogas. Din ma ġietx miċħuda u ġiet verifikata kemm minn Reuters u kemm min Times of Malta.
  4. Yorgen Fenech irċieva ġo 17 Black €1.1 miljun mill-Azerbaijan, u €200,000 mill-aġent tat-tanker ta' Marsaxlokk. Din hi dokumentata iswed fuq l-abjad minn transazzjonijiet li ppubblikat it-Times of Malta u Daphne Project xi xhur ilu. Reuters issa qalu li minn 17 Black m’għaddewx biss dawn il-flus, iżda għaddew €8 miljuni.
  5. Nafu li m'hemm l-ebda raġuni legali għala Fenech kellu jirċievi dawk il-flus mill-Azerbaijan u mingħand l-aġent tat-tanker tal-gas u jgħaddihom b’pagamenti kull xahar lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.
  6. Nafu li l-powerstation il-ġdida mhux biss ma kellniex bżonnha, imma ħa ttina elettriku aktar bil-għoli minn sorsi oħra bħall-interconnector. Mil-leaks tal-kuntratt tal-Electrogas, nafu li qed inħallsu għal gas ID-DOPPJU tal-prezz tas-suq. Mill-investigazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali, nafu li tlifna €14-il miljun mill-ftehim tal-fuel mal-Azerbaijan.
  7. Nafu li Joseph Muscat mhux biss qed jiddefendiehom iżda qed jiġġieled fil-Qorti biex LANQAS BISS ISSIR INKJESTA fuq 17 Black. Din hija ammissjoni li għandu x'jaħbi daqshom.
  8. Nafu li ddeċieda li jsejjaħ elezzjoni ġenerali malli sar jaf bil-leaks tal-kuntratt tal-Electrogas, lura f'Marzu 2017, u mhux meta ħarġet l-istorja dwar Egrant kif prova jbellagħha lin-nies. Din turi li beża' minn x'jista' joħroġ minnhom.
  9. Nafu li minkejja li raħas fid-dinja kollha, u ż-żejt ma għoliex f’dawn l-aħħar sitt snin, Malta għadna nħallsu prezz għoli għal petrol, l-istess prezz li konna nħallsu meta ż-żejt kien tliet darbiet daqs illum.



Huwa ċar li Konrad u Keith riedu jsir biljunarji minn flusek, minn fuq dahrek. Għalhekk il-petrol għadu għoli. Għalhekk is-serq mill-kontijiet tad-dawl għadu għaddej.


Wieħed allura jistaqsi għaliex Joseph Muscat qed jirriskja l-karriera politika u l-legat tiegħu biex tnejn min-nies jisirqu u biex ma jiġux investigati. Għaliex? Għax hemm oħrajn? X'qed jirriskja aktar importanti mil-legat politiku tiegħu jekk issir investigazzjoni u jinsabu ħatja?

Il-provi biex imorru l-ħabs għandhom jaraw il-Pulizija. Imma l-provi li dawn lagħbuna qegħdin quddiemna. Posthom mhuwiex fil-poter. Posthom huwa arrestati għal investigazzjoni kriminali. U kulmin jiddefendiehom u jgħattilhom: politiċi, Kummissarju, Avukat Ġenerali, FIAU, Prim Ministru - għad il-quddiem jitqiesu kompliċi magħhom.  Dan hu mument kruċjali għalina lkoll. Stenbaħ poplu Malti. Ma jixraqlekx titmexxa minn politiċi li jisolħuk waqt li jitfgħulek il-frak tal-ħabs biex iżommuk kuntent. Int m'intix kelb. Int ċittadin. U pajjiżek tiegħek daqs kemm hu tagħhom.





Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 18 ta' Novembru 2018

Comments

  1. I agree with you,Mark. The Party needs the services of Jean Claude Micallef. Byw, I wish you well in your first attempt. The Party needs you too.

    Peter Darmanin

    ReplyDelete

Post a Comment