Skip to main content

PPP: Puxjatura, Partnership, Political murder

L-artiklu tiegħi li deher fil-mument ta' nhar il-Ħadd 17 ta' Frar 2013




Gvern Nazzjonalista wassal sabiex jinfetħu is-swieq beraħ u kullħadd ikun jista’ jixtri u jimporta dak li jrid. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista waslet sabiex is-settur privat tassew jikber u joħloq il-ġid. Ġid li gawda minnu kullħadd u li ma ħalliniex pajjiż tat-tielet dinja. Fost l-inizjattivi li ħa Gvern Nazzjonalista biex ħoloq ix-xogħol, tejjeb l-edukazzjoni tagħna lkoll u saħħaħ is-servizzi tas-saħħa kien hemm il-Public-Private Partnerships, magħrufa aħjar bħala PPP. Dawn rajniehom f’setturi varji fosthom fi scholarships li ngħataw lil eluf ta’ studenti, f’eluf ta’ operazzjonijiet li saru fi sptarijiet privati, fl-immodernizzar ta’ faċilitajiet sportivi u fit-tisbiħ tat-toroq.

Imma għal Labour u l-forċini tiegħu, PPP ma tfissirx ħolqien tax-xogħol, edukazzjoni aħjar għal uliedek u servizz tas-saħħa li jixraqlek. Anzi l-PPP li l-Labour qed jgħid li ser jagħmel mal-privat għall-power-station ġdida m’huwa PPP xejn, għax huwa rabta fejn il-Gvern ħa jkun obbligat jixtri id-dawl kollu li ħa jiġġenera l-privat, anke’ jekk bil-lejl ikun jaqbillu li minflok jixtri dawl irħas mill-Ewropa grazzi għall-cable ma’ Sqallija. Iżjed minn hekk, ghal Labour, PPP tfisser totalment il-kontra.

Puxjatura

Smajna b’widnejna stess lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, l-union sieħeb privileġġjata tal-MLP, jgħid li jagħtik puxjatura għal xi tender jekk ikun hemm Gvern Laburista. Inkredibbli kif Muscat ma ikkundannahx, anzi kważi kważi qabeż għalih. Inkredibbli kif minkejja li ir-recording kien tant ċar u tond, raw kif idawwru l-fatti magħrufa. Din hija l-istess union li ta’ kuljum toħroġ gazzetta tattakka lil Gvern Nazzjonalista u tfaħħar ir-roadmap tal-Labour. Din il-gazzetta tattakkak jekk ma tkunx taqbel mal-Union, l-istess union li opponiet tant sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Partnership

Kemm smajna l-famuża frażi “Partnership, l-aħjar għażla” fil-programmi ta’ Muscat “Made in Brussels.”  Llum jistħi jxandar dawn il-programmi li kienu mimlija gideb dwar dak li l-Unjoni Ewropea tfisser għalina iż-żgħażagħ Maltin. Llum jaħbi it-tapes ta’ dawn il-programmi u jipprova jnessi l-gideb kollu li qal f’dawn il-programmi. Llum tipprova taffrontah b’mistoqsijiet dwar il-ħidma qawwija tiegħu biex pajjiżna jibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea. Issaqsieh ħaġa, jwieġbek oħra! Terġa’ ssaqsieh u jipprova jirredikolak. Dan l-aħħar ħareġ fil-beraħ kemm tassew Muscat kien żbaljat. Mill-Unjoni Ewropea pajjiżna, se jkun ħa 2,500 miljun ewro. Skond Muscat konna se nġibu miljun u nofs! Illum irid joħodlok il-vot biex imexxi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’isem pajjiżna.

Political Murder

‘Kuntratturi Kbar illum jinsabu qrib tal-Partit Laburista.’ Dikjarazzjoni ċara minn Anġlu Farrugia, li sa xahrejn ilu kien deputy leader tal-Malta Labour Party, f’intervista dwar il- Joseph Muscat, li keċċieh minn din il-kariga. Hu qal li hu jiddejjaq li qed jara dan jiġri fil-MLP.  F'intervista fis-Sunday Times, Farrugia jgħid ukoll Muscat għamillu "bħal dak il-ħabib li jsejjaħlek u jtik sitt tiri kiesaħ u biered. Assassinju politiku." Anġlu Farrugia giddeb mill-ġdid lil Muscat dwar ir-raġuni għalfejn keċċieh, u nsista li mhux veru li Muscat warrbu minħabba dak li qal dwar membru tal-ġudikatura. Insista wkoll li mar ħażin fid-dibattitu ma' Simon Busuttil għax kien qed jiġi mwarrab u ma kienx parti mid-deċiżjonijiet tal-programm elettorali. Kien għalhekk li ma kienx jaf iwieġeb dwar it-tariffi tal-ilma, għax Muscat ma nvolviehx fid-diskussjonijiet. Anġlu Farrugia qal li Xarabank kien logħba li spiċċa vittma tagħha." L-eks deputy leader isostni wkoll li l-MLP qed jitlef il-valuri tiegħu u m'għadux jirrapreżenta lill-ħaddiema. Illum, negozjanti u kuntratturi kbar qed jersqu viċin ħafna tal-MLP - nies li Anġlu Farrugia jgħid li ma jħossux komdu bihom. Mistoqsi jekk dawn humiex qed jiffinanzjaw lill-MLP Farrugia jwieġeb li dawn in-nies huma qrib ħafna tal-finanzi tal-labour. Anke f'dan il-każ, il-mexxej laburista ma kienx jinvolvih.


Kuraġġ sal-aħħar

Iktar kemm indur djar iktar nifhem kemm kellu raġun Dr Guido de Marco. Irridu nipperswadu bl-argumenti tagħna. Irridu nipperswadu b’politika ta’ viżjoni u mhux b’gimmicks u xinxilli. Il-Malti jgħid li “bil-kelma it-tajba toħroġ il-far mit-toqba” u għal daqstant nibqa’ naħdem sabiex kull min għadu indeċiż jew ma tantx hu mħajjar jivvota, nipperswadieh li l-Partit Nazzjonalista qed joffri l-aħjar proposti għal pajjiżna. Int ukoll tista’ tipperswadi. Int ukoll tista’ tagħti sehmek.




Comments