Dan l-artiklu ġie ippublikat fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 11 ta' Jannar 2015
“Fl-inqas livell minn Mejju 2009 ‘l hawn.” Hekk niżel il-prezz taż-żejt fil-bidu ta’ din
is-sena, hekk kif kompla nieżel kif ilu jagħmel min-nofs is-sena l-oħra.
Il-prezz taż-żejt din il-ġimgħa kien qed jilgħab mal-$51-il barmil, inqas
min-nofs il-$115-il barmil li kien qed jintalab għaż-żejt f’Ġunju li għadda.
L-ironija hija li
waqt li l-Ewropa kollha qed tiċċelebra tnaqqis sostanzjali fil-prezz tal-fuels
li dan ġab, b’medja ta’ tnaqqis ta’ 32ċ fil-litru, f’Malta lanqas biss
indunajna, u qed inħallsu fost l-ogħla rati għal petrol u diesel fl-Ewropa.
Ejja għal mument
ninsew il-prezzijiet fl-Ewropa, u nħarsu lejn il-prezzijiet tal-fuel f’pajjiżna
matul is-snin. F’Ottubru 2009, meta l-prezz taż-żejt kien ogħla mil-lum u kien
jilgħab mas-$70-il barmil, f’Malta konna nħallsu €0.96 għal litru diesel u €1.11 għal litru
petrol. Illum, li l-prezz taż-żejt hu irħas u qiegħed $51-il barmil, f’Malta
qed inħallsu €1.35 għal litru diesel u €1.44 għal litru petrol! Qed inħallsu
€0.39 iżjed għal kull litru diesel u €0.33 iżjed għal kull litru petrol, anke
meta nqabblu l-prezzijiet ma’ meta ż-żejt kien ogħla milli hu illum.
Taf xi
jfisser dan? Li għal kull €30 diesel li tagħti illum, €12 minnhom qed
tħallashom ta’ xejn, u għal kull €30 petrol li tagħti illum, €9 minnhom qed
tħallashom ta’ xejn. Dan ifisser li jekk int tagħti €30 fuel fil-ġimgħa, li hu
l-medja ta’ ħafna, f’sena il-gvern qed jisirqek bejn €468 u €624 iżjed milli
suppost. Ifisser li f’każ ta’ koppja li jaħdmu t-tnejn u t-tnejn imorru
għax-xogħol bil-karozza, il-gvern qed jisraqhom bejn €936 u €1248 fis-sena.
Ċert li
kulħadd jaf jagħmel il-kontijiet, u jaf jirrealizza li r-roħs żgħir fit-tariffi
tad-dawl u l-ilma ma naqqasx l-ispiża ta’ koppja b’dawn l-ammonti, anzi hemm
każi fejn il-mod il-ġdid kif qed jinħadmu l-kontijiet wassal biex ċertu familji
tilfu l-eko-riduzzjoni u l-kont baqagħlhom l-istess. U dan meta bit-tnaqqis li
kien hemm fil-prezz taż-żejt, anke t-tariffi tad-dawl u l-ilma setgħu jonqsu
mingħajr ma l-gvern jagħmel l-ebda investiment, ma jżid l-ebda sussidju, u ma
jibni l-ebda power-station ġdida tal-gass.
Hawnhekk
wieħed jirrealizza kemm kellu raġun il-Partit Nazzjonalista meta iddeskriva
l-budget bħala wieħed li jagħtik f’but, u jeħodlok minn ieħor. Il-gvern tak
ċuċata fir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma (mingħajr ma qallek li jista’
jkun qed titlef l-eko-riduzzjoni), u fl-istess waqt beda jeħodlok ħafna iżjed
meta int tmur timla l-karozza mill-pompa tal-petrol.
Dawn
il-figuri juru ħaġa waħda. Li jew il-gvern daħal bi ftehim ta’ hedging li qed jaħdem ħafna kontrina,
jew il-gvern qed jagħżel li jisraqna biex jagħmel tajjeb għar-roħs fit-tariffi.
Jew waħda, jew l-oħra. U hawn ukoll qed nerġgħu naraw sintomu kontinwu ta’ dan
il-gvern: in-nuqqas ta’ trasparenza. Minkejja t-talbiet mill-Oppożizzjoni u
anke minn diversi ġurnalisti biex jispjega għala pajjiżna għadna qed inħallsu
dawn il-prezzijiet għoljin għal fuel, il-gvern baqa’ lura milli jagħti tweġiba.
Għal darb’oħra qed nerġgħu naraw gvern ta’ ħabi. Gvern li jidhirlu li
ċ-ċittadin m’għandux dinjita’ biżżejjed biex ikun infurmat bir-raġunijiet għala
qed jittieħdu d-deċiżjonijiet li qed jaffetwawh.
Sfortunatament
din hi t-tip ta’ politika li f’sentejn uriena dan il-gvern. Politika ta’ qerq u
ħabi, politika ta’ manipulazzjoni kontinwa, politika ta’ logħob biċ-ċifri u
bl-istatistika, politika li fiha jinkwieta iżjed fuq kif ħa jidher fil-mument u
kif ħa jikkontrolla l-opinjoni pubblika fil-mument, milli fuq kif ħa nibnu
l-futur u kif ħa mmexxu l-pajjiżna u l-poplu tiegħu ‘l quddiem.
Altru milli
gvern progressiv, hija ħasra li għandna gvern li ħadna ħafna lura fiż-żmien.
Comments
Post a Comment