Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis 26 ta' Frar 2015
Il-media tal-Partit Laburista għażlet li terġa’ tipprova toħloq storja fuq
l-iskandlu tax-xiri taż-żejt, u tipprova li fil-proċess b’xi mod iċċappas
il-Partit Nazzjonalista. Dan bit-tentattiv li tgħatti u tnessi l-oxxenitajiet
li qed jagħmel dan il-Gvern.
Pero’ ejja ngħidu
l-fatti kif inhuma. L-iskandlu tax-xiri taż-żejt kien każ gravi fejn uffiċċjali
pubbliċi li ġew appuntati biex jamministraw fondi pubbliċi, allegatament użaw
il-pożizzjoni tagħhom biex ħaxxnu bwiethom minflok għamlu xogħolhom b’responsabbilita’.
Dawn l-affarijiet sfortunatament ġraw taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, u
ċert li ser jibqgħu jiġru taħt kull Gvern. Il-mistoqsija hija kif iġib ruħu
l-Gvern meta jiltaqa’ ma’ każ bħal dan.
U x’għamel Gvern Nazzjonalista meta feġġ dan il-każ? Dakinhar stess, ra
li l-Pulizija tinvestiga fid-dettal x’ġara, sa ġew interrogati Ministri
tal-Gvern stess bil-liberta’ kollha, ingħatat proklama fuq parir tal-Avukat
Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun hemm xhieda ħalli jinbeda
l-każ fil-Qorti, u f’xahar waqt kampanja elettorali tressqu sebgħa min-nies
il-Qorti. Daqshekk kienet fil-liberta’ li tagħmel xogħolha mingħajr indħil
il-Pulizija.
Ġara li tela’
l-Partit Laburista wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2013, l-investigaturi tal-każ
kollha ingħataw transfer, u nies oħra li l-Pulizija kellhom il-provi lesti biex
itellgħuhom il-Qorti baqgħu ma ttellgħux ħlief għal din il-ġimgħa, sentejn wara.
Mhux talli hekk, talli l-Gvern lanqas irid iħalli l-Avukat Ġenerali jixhed
quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jispjega għala kien hemm bżonn
il-proklama (minħabba s-sigriet professjonali, avukat irid permess minn għand
il-klijent biex jixhed, u fil-każ tal-Avukat Ġenerali l-klijent huwa l-Gvern).
Aktar inkwetanti
hija li l-Gvern tal-lum sfortunatament qed jilgħab il-logħba ta’ min jixtieq li
l-verita’ ma toħroġx. Sa smajna l-Prim Ministru b’mod irresponsabbli jhedded li
jista’ jirtira l-proklama hu, minflok iħalli l-proċess legali li jista’
jittieħed jekk verament il-kundizzjonijiet tal-proklama jinkisru. Tafu x’qalu
numru ta’ avukati esperti fuq x’jiġri jekk tiġi rtirata l-proklama? Il-każ
jaqa’ kollu, kemm il-każ kontra l-akkużati, u kemm kontra dawk li għad iridu
jitressqu, għax ix-xhieda ta’ George Farrugia ma tibqax ammissibbli l-Qorti. Xi
jrid jaħbi l-Gvern Laburista? Minn x’hiex qed jibża’? Għala l-Gvern donnu ma
jridx il-verita’ kollha toħroġ? Għax jekk toħroġ il-verita’ ikollu jieqaf
jitfa’ t-tajn? Jew hemm affarijiet oħra? Għax jew il-Gvern huwa tant sempliċi
li ma jafx li jekk jirtira l-proklama l-verita’ tibqa’ ma toħroġ qatt, jew huwa
kompliċi mal-akkużati. Jew waħda jew l-oħra. Jien nixtieq nemmen li dan huwa
każ ieħor fejn il-Gvern qed ikun dilettantesk u sempliċi, pero’ meta niftakar
li nies fil-Partit Laburista bħal Manwel Mallia u David Farrugia Sacco huma
l-avukati ta’ dawk li għandhom jitressqu l-Qorti, jiġuni dubbji serji.
Dan hu każ ieħor
fejn il-Gvern b’mod ċar qed jimmina l-indipendenza tal-istituzzjonijiet,
fosthom il-Pulizija, li issa jidher li għandna Segretarji Parlamentari li
jhedduk li jibagħtuhom wara biebek jekk tweġibhom lura. Pero’ kellna każ ieħor,
aktar gravi, fejn il-Gvern indaħal fuq istituzzjoni li l-imparzjalita’ tagħha
hi mħarsa mill-Kostituzzjoni: il-Kummissjoni Elettorali. Sirna nafu li
l-Kummissjoni Elettorali għaddiet draft tal-appell li kienet ser tressaq
fil-Qorti fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li l-Partit Nazzjonalista
jiżdiedulu żewġ siġġijiet fil-Parlament. Hemm żewġ affarijiet inkwetanti.
L-ewwel nett, il-fatt li kien il-Prim Ministru li ħareġ jgħid li s-sentenza ser
tiġi appellata qabel biss il-Kummissjoni Elettorali iltaqgħet. It-tieni, kif
dokument tal-Kummissjoni, li għandha tkun imparzjali u ma tiffavorixxi l-ebda
Partit fuq ieħor, għadda għand il-Partit Laburista biex jiċċekkjalha u jikkonferma
r-raġunijiet tal-appell. Kif jista’ l-poplu jkollu fiduċja li l-elezzjonijiet
qed jitmexxew b’mod demokratiku u imparzjali meta huwa ovvju li l-Kummissjoni
hi kkontrallata mill-Partit Laburista?
Din hi
sitwazzjoni inaċċettabbli f’demokrazija liberali tas-seklu 21. Jew
il-Kummissjoni Elettorali tispjega x’ġara u min kien responsabbli, jew terfa’
r-responsabbilita’ tagħha kollha kemm hi u tirriżenja. Ma jistax ikun hemm
dubju f’moħħ il-poplu fuq is-sisien tad-demokrazija tagħna.
Comments
Post a Comment