Skip to main content

Tkabbir Sostenibbli u Dinjita’ għal kulħadd

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta' Ottubru 2015



Huwa dan it-titlu tad-dokument ta’ qabel il-budget ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista. L-ewwel darba li partit fl-oppożizzjoni ippubblika rapport estensiv u dettaljat ta’ x’inhi l-politika ekonomika tiegħu, x’inhuma l-isfidi li mill-Oppożizzjoni qed iħoss li l-Gvern mhux jindirizza, jagħmel il-kritika ġusta u kostruttiva tiegħu fuq dak li sar, u jressaq il-proposti tiegħu. Dan huwa xhieda tas-serjeta’ li l-Partit Nazzjonalista qed juri sa mill-Oppożizzjoni billi jkun pro-attiv, kif għamel bid-diversi mozzjonijiet u Private Members’ Bills imressqa fil-Parlament f’dawn is-sentejn, li kien l-ogħla ammont ta’ proposti Parlamentari li qatt saru minn partit fl-Oppożizzjoni fi żmien daqshekk qasir.

Filwaqt li diversi imsieħba soċjali faħħru dan id-dokument u ddiskutewh flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Gvern prova jirredikolah f’inqas minn siegħa mindu ġie ppreżentat, li tikxef kemm il-Gvern lanqas biss prova jaqra dan id-dokument qabel ma jarmieh. Din issa hija tattika negattiva li drajna minn dan il-Gvern li jgħid li hu pożittiv. Gvern li malli ġie elett, waqqaf ftehim mal-privat li kien jeżisti biex itaffi mill-waiting lists tal-operazzjonijiet, biex imbagħad reġa’ għamlu hu. Gvern li qed iħalli l-proġetti li saru minn Gvern Nazzjonalista bħal park tal-familja u l-petting farm jaqgħu fi stat ta’ abbandun. Gvern li s-sena l-oħra irredikola l-proposta tal-Oppożizzjoni biex jiġi ssussidjat it-trasport tat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati, biex issa qed jikkunsidraha. Gvern pożittiv tassew.

Issa qed jirredikola dan id-dokument, pero’ fil-kritika lejn id-dokument tfixkel hu. L-“iżbalji” li semma’ l-Professur Scicluna ġew kollha ribattuti, u l-kummenti żbaljati li għamel lanqas biss jixirqu lil xi ħadd li suppost hu professor tal-istatistika. Insemmi biss wieħed. Il-Ministru jirredikola d-dokument għax fit-tabelli tal-esportazzjoni u r-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xoghol, l-informazzjoni tasal sas-sena 2014. Iva s-sens komun ma juriehx li s-sena 2015 għadha ma spiċċatx, u ma tistax tqabbel l-informazzjoni ta’ nofs sena mal-informazzjoni ta’ sena sħiħa?

Pero’ għalfejn id-dokument preżentat mill-Oppożizzjoni jitkellem fuq tkabbir sostenibbli u dinjita’ għal kuħadd? Ħa nibdew fuq it-tkabbir sostenibbli. Illum ħafna jgħidu li l-ekonomija sejra tajjeb. Titkellem man-nies jgħidulek li r-rota qed iddur. Dan hu veru, u ħafna minnu u mertu ta’ l-ekonomija b’saħħitha li ħalliet l-amministrazzjoni Gonzi minkejja l-maltemp ekonomiku dinji li kien hawn ftit tas-snin ilu. Ekonomija li laqgħet dak il-maltemp, ovvjament ħa tkompli tmur aħjar fil-bnazzi. Pero’ hemm indikaturi li juru li t-tkabbir ta’ dawn l-aħħar sentejn mhuwiex għal kollox sostenibbli. Fost l-oħrajn, joħroġ ċar li ħafna mit-tkabbir ġej minn infieq akbar tal-Gvern, u mhux minn investiment privat. Aktar nies jaħdmu mal-Gvern, nefqa akbar fl-amministrazzjoni, Kabinett u servizz pubbliku, u pagi ogħla għal tal-qalba. Fejn qabel 25% tal-prodott gross domestiku, ta’ kemm jipproduċi l-pajjiż, kien ġej mill-Gvern, f’sentejn dan tela’ għal 28%, filwaqt li dak ġej mill-investiment privat naqas minn 75% għal 72%. Allura wieħed jistaqsi kif id-deficit inżamm taħt kontroll u ma splodiex? U r-raġuni hi li dan ġie iffinanzjat primarjament minn żewġ affarijiet: il-bejgħ tal-Enemalta u l-bejgħ taċ-ċittadinanzi. Mentri ż-żidiet fl-infieq tal-pagi ħa jibqgħu jinġarru sena wara sena. Huwa sostenibbli għal snin fit-tul dan?

Fl-istess waqt, kien hemm tkabbir grazzi għal niċeċ ekonomiċi ġodda ta’ xogħol li beda dan il-Gven? Kien hemm tkabbir grazzi għal proġetti kapitali infrastrutturali li bihom jikber il-pajjiż? Le. Dan il-Gvern kompla biss il-proġetti mibdija u ħalla biss is-setturi ekonomiċi introdotti mill-Gvern ta’ qabel. Allura wieħed aktar jitħasseb li t-tkabbir li rajna s’issa ma hemm xejn li jkompli jsostnieh fis-snin li ġejjin.

Fl-istess waqt, jinkwetak tara li l-esportazzjoni, il-kummerċ primarju ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż u jdaħħal il-flus minnu, naqas b’€721 miljun f’sentejn, waqt li l-pajjiż f’sentejn waqa’ b’seba’ postijiet fl-indiċi internazzjonali tal-kompettivita’, mill-41 post li kien fih fl-2013 għat-48 post. U ironikament, dan tħabbar proprju l-għada li l-għaref Professur Scicluna irredikola d-dokument tal-Oppożizzjoni, u rema’ għal kollox il-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jiġu indirizzati dawn il-problemi. Mhux b’soluzzjonijiet mil-lum għal għada, bħal bejgħ tal-passaporti, imma b’soluzzjonijiet li jrendu fit-tul.


Comments