Skip to main content

Riżenja li tfisser ħafna

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta' Novembru 2015



Il-Partit Nazzjonalista sar il-vera Partit li mhux biss jitkellem fuq it-trasparenza u l-governanza tajba, imma qed jurieha bl-azzjonijiet li qed jagħmel mill-Oppożizzjoni.

Hekk stqarret id-Deputat Marlene Farrugia fid-diskors li fih iddikjarat li ħa tivvota mal-Oppożizzjoni fuq l-emendi li ressqet id-Deputat Marthese Portelli rigward il-liġi tal-MEPA. Emendi li fost l-oħrajn kienu jitolbu biex iċ-Chairman li jkun nominat u magħżul mill-Gvern għal din l-Awtorità jersaq għall-approvazzjoni u l-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li fih il-Gvern stess għandu maġġoranza.

Dan waħdu kien ikun pass importanti biex Chairpersons ta’ awtoritajiet regolatorji jifhmu li huma għandhom jirrispondu lill-Parlament, lill-poplu, u mhux biss ibaxxu rashom għal li jrid il-Gvern. Xi ħaġa li kienet tpoġġina eqreb lejn demokraziji aktar avvanzati u moderni minn tagħna. Għażla li kienet verament tpoġġi l-Ambjent bħala priorità nazzjonali, u tressaqna lejn aktar trasparenza u governanza tajba.

Il-Gvern pero’ jidher li lanqas lest jafda lill-Grupp Parlamentari tiegħu stess fuq dawn l-għażliet. Lanqas irid li l-Parlament, li fih għandu disa’ siġġijiet maġġoranza, jew Kumitat Parlamentari tiegħu, li fih ukoll għandu maġġoranza, jiskrutinja l-għażliet tiegħu. Sinjal ċar ta’ Gvern li għandu x’jaħbi u ta’ Gvern li ma jrid lil ħadd jindaħallu, lanqas il-Membri Parlamentari tal-Gvern stess.

Emenda oħra kienet biex ir-rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali fuq il-Bord tal-MEPA ikun magħżul mill-NGOs ambjentali stess u mhux mill-Gvern. Xi ħaġa elementari, bażika. Ir-rappreżentant tiegħi nagħżlu jien mhux tagħżiluli int! Inkella ma jirrapreżentanix tassew. Imma l-Gvern ma dehrlux hekk u kien kontra din l-emenda wkoll.

Quddiem għażla bħal din, fuq suġġett importanti bħall-ambjent li fi kliem Farrugia “jinsab f’salib it-toroq”, Farrugia ma kellhiex għażla u ħasset li ma setgħetx tivvota kontra dak li hi u Joseph Muscat stess wegħdu qabel l-elezzjoni. Hi irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista, u ivvutat favur l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni.

Minn hawn ninża l-kappell lil Marlene Farrugia, li kellha l-gazz u l-kuraġġ li żżomm mal-prinċipji tagħha, prinċipji li fl-aħħar mill-aħħar ġew imwegħda mill-Partit Laburista stess meta kien fl-Oppożizzjoni. Kellu bżonn id-Deputati l-oħra fehmu wkoll li huma leali l-ewwel lejn il-poplu lejn il-programm elettorali li l-poplu ivvota għalih, qabel ma huma leali lejn dak li jrid Joseph Muscat.

Illum in-nies irrealizzaw li Joseph Muscat fil-Gvern hu kompletament il-kontra ta’ dak li wiegħed Joseph Muscat qabel l-elezzjoni. Għandhom ikunu d-Deputati fil-Parlament, inkluż id-Deputati tal-Gvern, li jagħmlu xogħolhom ta’ rappreżentanti tal-poplu, u jżommu r-riedni fuq il-Gvern meta dan jibda jmur kontra dak li wiegħed u kontra dak li hu fl-interess komuni. Ħasra li d-Deputati l-oħra tal-Gvern huma interessati biss f’dak li jaqblilhom u mhux f’dak li jaqbel lill-poplu.

Minn hawn nifraħ lil Marlene Farrugia tal-kuraġġ u l-fibra li uriet, u j’alla sservi ta’ eżempju għal aktar Deputati li jkunu lesti jpoġġu l-lealtà tagħhom lejn il-poplu u lejn il-ġid komuni qabel l-interessi partiġġjani u l-interessi ta’ bwiethom.

Hija ħasra li l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħa jitlef pedina li rriformatu u tagħtu ħajja ġdida f’dawn is-sentejn. Nistennew u naraw issa l-Gvern ipoġġix xi pupazz tiegħu imexxi dan il-Kumitat, u jekk dan il-pupazz jerġax joqtol id-diskussjoni ħajja li kienet tqum f’dan il-Kumitat għax hekk ikun jaqbel lill-Gvern.



Comments