Skip to main content

Wara l-Konvenzjoni: Konvinzjoni u Kuraġġ

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis 21 ta' Jannar 2016




Wieħed ma jistax ma jħarisx lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet u ma jħossux ottimist.

Il-Partit Nazzjonalista organizza b’suċċess it-tieni Konvenzjoni Ġenerali kemm ilha li din iddaħħlet fl-istatut tiegħu. Wara li s-sena ta’ qabel it-tema tal-Konvenzjoni kienet Idea Malta, din is-sena t-tema kienet Idea Ambjent. L-ambjent huwa qasam li qed jiġi traskurat u injorat għal kollox minn dan il-Gvern. Insemmu biss l-isferġju taż-Żonqor, li dan il-Gvern irid jagħti lil Hani Salah akkost ta’ kollox, il-permess li nħareġ lil Ian Borġ b’mod qarrieq (u li l-Ombudsman irrakkomanda li jiġi irtirat), l-emendi fil-MEPA biex l-NGOs u l-ambjent ikomplu jitilfu mill-importanza tagħhom, u policies ġodda bħal dik tal-agrituriżmu li huma biss skuża biex tinbena aktar art barra miz-zona tal-iżvilupp.

Dan kollu qed joħloq reazzjoni fost il-poplu, u qed tqum aktar kuxjenza li jekk mhux ser ningħaqdu biex issir xi ħaġa, ħa nispiċċaw neqirdu pajjiżna darba għal dejjem. U dan ikun ta’ dannu kbir għal uliedna, li jispiċċaw jgħixu f’pajjiż li ma jibqagħlux spazji miftuħa u li jkollu rata akbar ta’ mard, speċjalment kanċer, mard respiratorju, u mard mentali. Biex ma nsemmux d-dannu fuq it-turiżmu jekk l-attrazzjonijiet naturali u l-karattru rurali tagħna nitilfuh.

Għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil din hi xi ħaġa inkwetanti ħafna, u sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu ried jagħti priorita’ sħiħa lill-ambjent. Huwa ċar li jrid li l-Partit Nazzjonalista jsir il-vuċi ta’ dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent u huma mħassba fuq il-mod li bih qed jinqered.

U din il-Konvenzjoni ġabet flimkien lil dawn in-nies. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija bħala rapporteur ta’ wieħed mill-workshops waqt din il-konferenza li nara parteċipazzjoni kbira minn dawk li attendew. Huwa ċar li n-nies inkwetati bi Gvern li qed jeleva l-individwaliżmu, u jinjora dak li huwa ġid komuni, filwaqt li juża l-wirt pubbliku u naturali bħal li kieku proprjeta’ tiegħu biex iqassamha lil min jaqbillu.

Waħda mill-mistoqsijiet li tqajmu tul din il-Konvenzjoni kienet jekk il-Partit Nazzjonalista jistax ikun idealist, bħalma jixtiequ l-Kap tiegħu, u bħalma ħareġ ċar fid-diskors li għamel Simo Busuttil il-Ħadd filgħodu, u xorta jirbaħ l-elezzjoni. Jistax il-Partit Nazzjonalista jħobb l-ambjent u jirbaħ ukoll l-elezzjoni.

U jien nemmen li iva. Irridu noħorġu miċ-ċirku li nqbadna fih u li min jemmen fil-politika antika jaqbillu li nibqgħu maqbudin fih. Iċ-ċirku li nemmnu li l-politika bilfors trid tkun maħmuġa, li biex tirbaħ l-elezzjoni trid tagħmel kompromessi ma prinċipji u ideali bażiċi, li ma tistax ma tkunx korrott u tirbaħ. Il-Partit Laburista hekk jemmen, u hekk irid il-poplu li jemmen. Għalhekk ma kull skandlu li jinqabad fih jipprova jitfa’ t-tajn fuq xi ħaġa li tkun ġrat qabel, biex jipprova jbellagħha li l-iskandlu hu normali, li hu aċċettabbli, li ġieli ġara bħalu, u li bilfors iridu jiġru.

Le! Dan mhuwiex minnu. M’għandna qatt naċċettaw din l-assurdita’ ta’ governanza bħala xi ħaġa normali. Il-politika tista’ tkun nadifa, tista’ tkun onesta, tista’ tkun idealista. U din ir-risposta jrid jagħtiha l-poplu u jrid jemmen fiha l-poplu. Ejja nkunu ottimisti u pożittivi ta’ vera u nemmnu li l-affarijiet jistgħu isiru sew. Li kif qal il-Kap fid-diskors tiegħu, nistgħu nħobbu l-ambjent u nirbħu l-elezzjoni.

Għax din l-unika tri li jista’ jieħu pajjiżna jekk irid jimxi ‘l quddiem u jsir pajjiż aktar modern u aktar Ewropew. U s-sondaġġ li ġie ppubblikat mill-MaltaToday nhar il-Ħadd iqawwilna qalbna li dan il-messaġġ qed jasal. Id-distakk bejn il-Partiti naqas għal 2.6%, li bl-istess ammont ta’ votanti tal-aħħar elezzjoni jfisser li niżel taħt it-tmint elef vot.

Dan ikompli jimliena b’ottimiżmu u b’motivazzjoni biex inkomplu naħdmu ħalli tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali nkunu lesti, u flimkien mal-poplu Malti nagħtu risposta lil Partit Laburista li spiċċa ż-żmien tal-politika antika, u li l-poplu Malti illum għandu dinjita’ ogħla, jippretendi governanza tajba, irid jieħu ħsieb pajjiżu biex jgħaddieh lil uliedu aħjar milli sabu, u jrid darba għal dejjem jeqred l-idea li l-politika onesta ma tistax tirbaħ elezzjonijiet.

Flimkien, dan nistgħu nagħmluh realta’.

Comments