Skip to main content

Ejja nkejlu l-pools

 Artiklu li deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 30 ta' Marzu, 2016



Kemm ilu li ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li l-Ministru Konrad Mizzi u l-id il-leminija tal-Prim Ministru Keith Schembri fetħu flimkien fil-Panama, il-Gvern intilef f’tentattiv wara l-ieħor biex jipprova joqtol il-gravità ta’ din l-istorja.

L-evidenza ċirkostanzjali li qed toħroġ fuq din l-istorja hija gravi ħafna, u tqajjem dubji serji. Iż-żewġ min-nies l-aktar qrib tal-Prim Ministru, li jattendu waħedhom mal-Prim Ministru għal żjara fl-Azerbaijan fejn ma jiġi infurmat ħadd mill-ġurnalisti u ħadd mis-servizz pubbliku u diplomatiku biex jakkumpanjahom, fl-istess żmien li fih jagħmlu ftehim ma’ dan il-pajjiż li minnu pajjiżna jitlef 14-il miljun ewro, jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, post li hu blacklisted minn Malta stess bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Kumpaniji li jiftħu b’istruzzjonijiet ċari fl-applikazzjoni tagħhom lill-awtoritajet tal-Panama li ma jridux jippermettu li jsir awditjar tagħhom (li allura tikxef kemm it-tax audit li Joseph Muscat qal li qed isir huwa farsa), u li jriduhom f’segretezza u kunfidenjzalità totali (u li allura tikxef kemm mhux vera li l-intenzjoni ta’ Mizzi kienet li jiddikjaraha). Biex l-intiena u l-kumbinazzjonijiet ikomplu jikbru, issa nafu wkoll li Mizzi mexxa l-kumpanija sigrieta tal-Panama għal ġot-trust ta’ New Zealand ‘kumbinazzjoni’ fl-istess ġurnata li fiha Gasol biegħet is-sehem tagħha fl-Electrogas, il-kumpanija li qed tibni l-power-station il-ġdida (li m’għandniex bżonn) f’Delimara.

Sadattant, Keith Schembri għadu ma sabx tarf fit-taħwid ta’ tweġibiet li qed jagħti lill-gazzetti. Daqqa jgħid li l-Kasco Holdings ma kellix kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands, daqqa jikkonferma li hu kellu pero’ qabel ma daħal fil-politika, daqqa jiċħad li fetaħ kumpaniji l-Panama u daqqa jgħid li fetaħhom għax il-konsulenti finanzjarji tiegħu qalulu li aħjar ikollu miżura ta’ kontinġenza għax is-servizz ta’ trusts f’Malta seta’ jieqaf (dikjarazzjoni assurda li tagħmel ħsara lis-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, daqs kemm kienet assurda d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru waqt Dissett li l-Gver tiegħu ta xi bailout biex salva l-banek, u li ġiet miċħuda mill-Bank Ċentrali u mill-banek ewlenin kollha f’pajjiżna).

Sadattant, il-Pulizija tgħidilna li ma tħoss li hemm xejn li għandha tinvestiga. Sadattant, Konrad Mizzi jipprova jbellagħhielna li għalkemm kellu setup lest biex seta’ jilqa’ fih qliegħ illeċitu u illegali, setup lest biex jaħsel dawn il-flus għal flus nodfa, hu ma kienx ħa jużah għalhekk, imma kien ħa jużah biss biex iżomm fih il-proprjeta’ tiegħu, liema proprjeta’ illum nafu li hi ipotekata mill-bank u allura ma tistax titmexxa f’kumpaniji.

Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, it-trinità f’Kastilja, iriduna nemmnu li jekk issib li xi ħadd ħaffer tunnel mill-garage tiegħu sas-safe tal-bank, u taqbdu qabel jieħu l-flus, dan jista’ jkun li ma kienx ħa jisraq, imma jista’ jkun li ħaffru għal intenzjonijiet tajba. Iriduna nemmnu li jista’ jkun ħaffru biex jidħol ibajjad il-ħitan tal-bank, jew biex fih jerfa’ l-inbid ħalli jibqagħlu tajjeb. U l-Pulizija, ma tinvestiga xejn, għax min ħaffer it-tunnel għadu ma ħax flus.

Din hi s-sitwazzjoni traġika u inkwetanti li pajjiżna jinsab fiha. Din hi l-gravità ta’ din is-sitwazzjoni li l-Prim Ministru jippretendi li nħalluha għaddejja qisu xejn mhu xejn. U sadattant, jippretendi li nħalluh kwiet u mmorru nkejlu l-pool ta’ Beppe Fenech Adami, għax avolja nħarġilha l-permess fl-istess sena li nħareġ il-permess tal-pool tiegħu, u avolja l-pool tiegħu ikbar, qalilna li ta’ Beppe kontra l-liġi.

U flok nitolbu r-riżenja ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi għal din il-ħniżrija li għamlu waqt li kienu qed ibiegħu l-akbar assi tal-pajjiż, jippretendi li nhedew inkejlu min għandu l-ikbar pool.




Comments