Skip to main content

Jiddeċiedi...jew ma jiddeċidix?



Artiklu li deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 13 ta' April, 2016



Ħafna drabi nisimgħu lill-politiċi jagħmlu dikjarazzjonijiet bombastiċi. Qisu iktar ma’ jiddikjaraw xi ħaġa b’mod bombastiku, u forsi eżaġerat, iżjed jidhru kemm huma mexxejja, kemm huma qawwija, kemm huma b’saħħithom. U kultant, dikjarazzjoni, kelma, frażi, tant jirrepetuwha li għalkemm mhux bilfors tkun eżattament korretta, in-nies jispiċċaw jassoċċjawha magħhom daqs li kieku kienet minnha.

Jekk hemm politiku li huwa espert ta’ din it-tattika huwa bla dubju ta’ xejn Joseph Muscat. Issa qed drajna li kulmeta l-Prim Ministru jiddikjara xi ħaġa b’mod ripetut, ikun ifisser eżatt bil-maqlub. Waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ripetuti hija li Joseph Muscat huwa “Prim Ministru li jiddeċiedi”. Tant irrepetieha, tant intużat fil-propoganda tal-Labour, illi kważi illum kulħadd jemminha.

Fil-konferenza ġenerali tal-Ħadd li għadda, Joseph Muscat mar pass oltre’. Qalilna li hu “jogħxa bid-deċiżjonijiet”. U meta xi ħaġa jirrepetieha b’mod daqshekk bombastiku, mal-ewwel inwaqqaf widnejja ħa nisma’ eżatt xi jkun qed jgħid, għax ħafna drabi tkun tfisser bil-kontra.

U naħseb li f’dan il-każ ukoll, il-verità hija eżatt bil-maqlub.

Tiftakru meta kien hemm il-każ tal-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia? U wara kien hemm l-istqarrija giddieba li ħarġet minn Ramona Attard, dak iż-żmien Kap tal-Komunikazzjoni tal-Ministru, u Kurt Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, li qalu li kien hemm biss warning shots? Naħseb ilkoll tiftakru li l-Prim Ministru dam ħafna, dam ġimgħat sħaħ, biex iddeċieda jieħu azzjoni. Kien biss wara li ħarġu telefonati irrekordjati li wrew l-indħil tal-uffiċċju tiegħu u tal-Kummissarju tal-Pulizija fl-attentat ta’ cover-up, li inkixef biss grazzi għall-ġurnalisti li laħqu ħadu r-ritratti qabel il-Pulizija ġarrew il-vetturi qabel biss wasal il-maġistrat inkwerenti. U iddeċieda biss wara rabja pubblika, u wara li kien inġieb dahru mal-ħajt mill-pressjoni tal-Oppożizzjoni u tal-media indipendenti. U lanqas iddeċieda kollox! Għax sal-lum, Kurt Farrugia għadu f’postu, Ramona Attard għadha tpappieha f’karigi u konsulenzi oħra, u l-ex-Kummissarju qed imexxi l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali.

Tiftakru l-iskandlu ta’ Gaffarena? Kemm dam eżatt Joseph Muscat biex iddeċieda li jneħħi lil Michael Falzon? Aktar minn disa’ xhur minn meta kellu l-fatti f’idejh!

Tiftakru l-każ ta’ Ian Borġ? L-Ombudsman riċentement għamilha ċara li għadda d-dettalji kollha lill-Prim Ministru, fuq kif Borġ uża “metodi qarrieqa” (devious methods) fl-applikazzjoni tiegħu. Hemm ukoll il-każ ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej meta Ian Borġ kien għadu Sindku ta’ Ħad-Dingli li għadu taħt investigazzjoni. Iddeċieda biex jieħu azzjoni Joseph Muscat bid-dettalji tar-rapport tal-Ombudsman ilhom xhur quddiemu?

Tiftakru l-ħatra tal-maġistrati ġodda, Caroline Farrugia Frendo u Ingrid Zammit Young? Il-ħatra tal-maġistrati l-ġodda hija responsabbiltà tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. X’għamel Joseph Muscat meta ħareġ ċar li dawn kienu kontra l-Kostituzzjoni? Minflok iddeċieda, tefa’ l-każ quddiem il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li r-rwol tagħha huwa s-sorveljanza tal-maġistrati u l-imħallfin fil-kariga u mhux in-nomini ta’ dawk ġodda. Anke’ f’dik li hi waħda mir-responsabbilitajiet tiegħu, beża’ jieħu deċiżjoni u staħba wara Kummissjoni oħra.

L-unika drabi li l-Prim Ministru iddeċieda f’tebqa ta’ għajn kien fil-każ ta’ Anġlu Farrugia, li qabad u neħħieh mingħajr ma ħasibha darbtejn għax kien ilu jfittex okkażjoni biex jeħles minnu, fil-każ tal-Café Premier, fejn mill-email privat tiegħu qabad u ta l-ordni biex imexxu l-pagament ta’ €4.2 miljun minn flusna, u biex waqqa’ l-każ tal-Australia Hall li kien hemm miftuħ kontra l-Partit tiegħu. F’kelma waħda, l-unika okkażjonijiet fejn Joseph Muscat iddeċieda malajr kien meta kien jaqbel lilu u lil but dawk ta’ madwaru.

Altru’ milli Prim Ministru li jiddeċiedi. Joseph Muscat huwa l-iktar Prim Ministru fl-istorja ta’ pajjiżna li beża’ jieħu deċiżjoni u jew prova jaħrab minnha bit-tama li l-poplu jinsa, jew prova jfarfarha fuq ħaddieħor. Pero’ f’dan il-każ mhux ħa jirnexxielu. Jekk hemm bżonn, ħa nkomplu nfakkruh kuljum. U issa, mhux ħa nfakkruh biss li messu jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Issa li iddefendiehom għal dawn il-ġimgħat kollha meta kellu l-fatti quddiemu qabel biss dawn ħarġu fil-pubbliku, dmirna huwa li nfakkru li għal ġid ta’ pajjiżna, għandu jiddeċiedi li jwarrab hu. Dik hija l-unika deċiżjoni iebsa u onorabbli li baqagħlu.

Comments