Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-ġurnal In-Nazzjon ta' nhar l-Erbgħa 27 ta' April 2016
Nhar it-Tnejn li għadda sar magħruf li l-inkjesta
maġisterjali li infetħet biex tinvestiga l-użu tal-fuel tal-karozza ta’ Simon
Busuttil waslet fit-tmiemha. Kif kulħadd stenna, l-inkjesta sabet li ma kien
hemm ebda abbuż, anzi lanqas biss kien hemm każ x’jinfetaħ, u eżonerat
lix-xufier Toni Tabone minn kull akkuża.
Ilkoll niftakru kif beda dan il-każ. Kien l-Ispeaker Anġlu
Farrugia li fetaħ dan il-każ billi bagħat għal Pulizija, għax qal li sab xi
diskrepanzi f’kemm qed jiġu reġistrati mili fuq il-karozza u kemm qed jintalab
fuel (li kien jammonta għal medja ta’ €75 fil-ġimgħa). Kumbinazzjoni dan il-każ
infetaħ l-għada li l-Oppożizzjoni ppreżentat id-dokument tagħha għal governanza
tajba, “Nibnu fiduċja ġdida fil-politika”, u kumbinazzjoni ġimgħa wara li l-Kap
tal-Oppożizzjoni kkontesta ruling tal-Ispeaker. Biex ma nżidux li kumbinazzjoni
wkoll, ftit ġimgħat wara, it-tifla tal-Ispeaker ġiet nominata għal magistrat,
minkejja li kienet għadha ma laħqitx l-esperjenza mitluba mill-Kostituzzjoni.
Dakinhar, il-Partit Laburista kien qal li “għandha tintrefa’
r-responsabbilità politika mill-Kap tal-Oppożizzjoni li nqabada f’wieħed
mill-akbar frodi ta’ fondi pubbliċi f’pajjiżna”.
Ngħidilkom il-verità, meta nħares lura ma nafx għandix
nidħak jew nibki. Għax hija altru milli tal-biki li Partit maqbud fl-akbar
skandli li qatt baxxew il-politika Maltija f’qiegħ: l-Australia Hall, l-€4.2
miljuni tal-Café Premier, it-€3.5 miljuni ta’ Gaffarena, u l-ħabi ta’
kumpaniji sigrieti fil-Panama, isejjaħ bħala l-“akbar skandlu” l-użu ta’ €75
ta’ fuel fil-ġimgħa, u jitlob għar-responsabbilità politika meta għal dawk
l-iskandli kollha li semmejt, għaddew xhur u min hu responsabbli ma refa’
r-responsabbilità tiegħu qatt.
U hija altru milli ironika li waqt li l-Ispeaker għokritu
għajnu minn €75 fil-ġimgħa li tuża l-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li
jgawdi kariga kostituzzjonali li tirrikjedi minnu li jiġri ma’ Malta l-ħin
kollu, fl-istess ħin li l-mara tal-Prim Ministru, li m’għandha l-ebda kariga,
taħli kważi d-doppju ta’ fuel minn fondi pubbliċi, waqt li żewġha l-Prim
Ministru jikri l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu.
U hija traġika li l-Pulizija ħassew il-ħtieġa li jiftħu
inkjesta maġisterjali fuq l-użu ta €75 fuel fil-ġimgħa mill-Kap
tal-Oppożizzjoni, imma ma ħassew il-bżonn li jagħmlu l-ebda investigazzjoni fuq
it-taħwida tal-iskandlu Gaffarena. Ma ħassew il-bżonn jagħmlu l-ebda
investigazzjoni fuq min ħa l-commission tal- Café Premier. U ma ħassew il-bżonn
li jagħmlu l-ebda investigazzjoni fuq għalfejn infetħu kumpaniji sigrieta
fil-Panama minn Persuni Esposti għal Politika. Fid-dinja kollha, inkluż pajjiżi
bħal El Salvador, il-Pulizija issekwestraw l-uffiċċji tar-rappreżentanti ta’
Mossack Fonseca biex jiġbru l-evidenza kollha possibli. F’Malta, il-Pulizija
għadhom friski bħal ħassa, waqt li Nexia BT (ir-rappreżentanti ta’ Mossack
Fonseca f’Malta), jarmu xkejjer u boroż ta’ karti l-barra, u jiġi jiġborhomlhom
van tal-Kasco.
Imma f’Malta, il-Korp tal-Pupazzi jidher li għandu iżjed ħin
jinvestiga l-għexieren ta’ ewro tal-fuel, milli l-miljuni li jista’ jkun qed
jinħaslu minn kumpaniji sigrieti tas-senserija u riċiklaġġ. F’Malta, is-Servizz
Sigrieti għandhom iżjed ħin jattendu l-protesti tal-Partit Nazzjonalista biex
jaraw min hemm, milli jindagaw it-telefonati li hemm għaddejjin f’Kastilja u
bejn in-nies involuti biex jaraw jiġbrux xi evidenza, jew biex jinvestigaw
il-kriminalità organizzata. Dan hu l-qiegħ li niżel fih pajjiżna, u xhieda ċara
aktar minn qatt qabel li ma għandniex istituzzjonijiet indipendenti li jiffunzjonaw
kif suppost.
Id-differenza fl-istandards ta’ bejn Simon Busuttil u Joseph
Muscat hi ċara daqs il-kristall. Iffaċċjat minn akkuża, il-Kap tal-Oppożizzjoni
talab mill-ewwel is-sospensjoni tal-persuna involuta sa ma ssir
l-investigazzjoni. L-istess kif b’irġulija u responsabbilità Samuel Azzopardi
irriżenja mill-kariga ta’ Sindku tar-Rabat, Għawdex, sa ma jitlesta l-każ li
għandu għaddej il-Qorti fuq ħabta bil-karozza.
Mill-banda l-oħra għandna lil Joseph Muscat li ma jieħu
l-ebda deċiżjoni. La quddiem il-każ tal-ħabta b’karozza bla liċenzja
tal-Ministru Refalo. La quddiem il-każ ta’ permess qarrieqi li nħareġ fuq
proprjeta ta’ Ian Borġ, u l-misapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej li qed jiġi
investigat għalihom l-istess Borġ, la meta kellu jieħu deċiżjoni wara l-gideb
minħabba l-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia, la meta kellu jieħu
deċiżjoni meta ħareġ il-każ ta’ Gaffarena, u aktar u aktar meta kellu jieħu
deċiżjoni xahrejn ilu fuq il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad
Mizzi. Mhux ta’ b’xejn li mmexxi minn Prim Ministru mingħajr awtorità morali,
pajjiżna niżel fi kriżi ta’ immoralità li s-sistema politika tagħna qatt ma rat
bħalha.
Minn qalbi nifraħ lil Toni Tabone, u nawguralu fir-ritorn
tiegħu għax-xogħol, xogħol li dejjem għamel b’serjetà, b’impenn u b’lealtà
assoluta. Tul dan il-każ, Toni kien
eżempju b’saħħtu ta’ irġulija. U grazzi għalih erġajna ftakarna li jekk isib
min jiġġieled għalih, is-sewwa jirbaħ żgur.
Comments
Post a Comment