Skip to main content

Differenzi kbar, imma sfidi komuni

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 6 ta' Lulju 2016



Ftit tal-ġimgħat ilu, kelli l-opportunità li nagħmel parti minn delegazzjoni ta’ membri żgħażagħ tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, li kienet mistiedna mill-Partit Komunista Ċiniż għal żjara ġewwa ċ-Ċina. Din kienet parti minn programm ta’ żjarat li l-Partit Komunista fiċ-Ċina jorganizza għal delegazzjonijiet minn partiti Ewropej, bil-għan li jibni relazzjonijiet diplomatiċi ma’ dawn il-partiti u biex jipprova jikkoreġi ċertu preġudizzji li jeżistu rigward dan il-pajjiż enormi.

Ir-relazzjonijiet bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Komunista Ċiniż ilhom sa mis-sebgħinijiet. Minkejja li hemm diverġenzi, kultant kbar, bejn l-istili, il-prinċipji u l-politika taż-żewġ partiti, wieħed ma jistax ikun parti mid-dinja u jinjora l-iktar pajjiż popolat fid-dinja, b’popolazzjoni li taqbeż il-1.35 biljun ruħ. U peress li fis-sistema politika Ċiniża, il-Partit Komunista hu l-unika partit li jista’ jiggverna, ma tistax tibni relazzjoni ma’ dan il-pajjiż mingħajr ma tibni relazzjoni ma’ dan il-Partit.

Iż-żjara kienet waħda interessanti li minnha tgħallimna ħafna, kemm fuq is-sistema politika u ekonomika taċ-Ċina, kif ukoll fuq il-kultura u l-istorja ta’ waħda mill-eqdem ċiviltajiet fid-dinja. Iż-żjara bdiet f’Shanghai, belt moderna fejn issa l-Gvern beda wkoll jesperimenta b’zona ta’ kummerċ u ekonomija ħielsa, simili ħafna għal dak li mdorrijin bih fid-dinja tal-Punent. Hawnhekk kellna numru ta’ lectures fuq is-sistema politika u ekonomika ta’ dan il-pajjiż, kif ukoll żjajjar f’ċentri tal-komunità għall-anzjani u persuni b’diżabilità, kif ukoll f’villaġġ rurali li qed jiġi modernizzat abbażi ta’ turiżmu u agrikoltura sostenibbli.

Iż-żjara kompliet f’Weihai, belt mal-baħar li qed tkun benniena għal ħafna industriji ġodda u start-ups Ċiniżi. L-innovazzjoni qiegħda tikber, pero’ l-ikbar sfida tagħhom biex ikunu jistgħu jiftħu l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi Ewropej tibqa’ l-istandards li titlob l-Ewropa għal prodotti li jidħlu fiha, standards li mhux dejjem jintlaħqu mill-manifattura Ċiniża. Fuq dan l-aspett pero’ sar ħafna avvanz, u iltqajna wkoll ma’ numru ta’ azjendi li ġew ċertifikati bl-ISO standards jew li għandhom prodotti li laħqu l-livelli mitluba għal ċertifikazzjoni CE.

L-aħħar żjara kienet f’Beijing, fejn apparti li kellna l-opportunità naraw mill-viċin iċ-ċentru tal-kultura u l-istorja Ċiniża, kellna laqgħat ma’ uffiċċjali għolja tal-Partit Komunista u tal-Gvern Ċiniż, kif ukoll mal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Komunista Ċiniż. Dawn il-laqgħat għenuna nifhmu d-differenzi li hemm bejnietna, pero’ fetħulna għajnejna wkoll fuq l-isfidi komuni li qed naffaċċjaw bħalissa, fosthom il-prijorità li kemm il-Partit Komunista Ċiniż u l-Partit Nazzjonalista f’Malta qed nagħtu lill-ambjent, il-ġlieda li l-Gvern Ċiniż qed jagħmel lill-korruzzjoni bħalma qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista f’Malta, u l-importanza li t-tnejn li aħna nagħtu wkoll lill-element soċjali fil-politika.

Bħala Partit, aħna dejjem ħarisna lejn iċ-Ċina bħala partner kummerċjali u mhux bħala theddida. Hemm diversi setturi fejn jista’ jkun hemm investiment konġunt li minnu jgawdu ż-żewġ partijiet. Minkejja dan, qatt ma qgħadna lura milli nesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħna mal-mod kif il-Gvern Ċiniż jittratta kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem, man-nuqqas ta’ libertà ta’ espressjoni u ċ-ċensura li hemm fuq l-Internet, u man-nuqqas ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni politika fl-elezzjonijiet. Biss wieħed irid jifhem li minħabba elementi kulturali u storiċi, il-mentalità ta’ poplu taf tkun differenti ħafna minn dik li mdorrijin biha aħna, u allura wieħed irid jirrispetta ċertu differenzi.

Fl-istess waqt, aħna nibqgħu nagħmlu l-kritika ġusta tagħna fuq il-Gvern ta’ pajjiżna, li kull tip ta’ kuntratt li ffirma, kemm mal-Gvern Ċiniż u kemm ma’ ħaddieħor, jiġi ppublikat, u nibqgħu inwissu li għandna noqogħdu attenti milli nagħtu monopolju tas-servizzi essenzjali tagħna, bħall-enerġija, f’idejn Gvern barrani. Il-kritika tagħna mihiex jekk investiment jiġix minn pajjiż jew ieħor, imma li kull tip ta’ ftehim li jsir f’isimna jsir b’mod trasparenti, taħt l-iskrutinju tal-Parlament Malti, u li s-servizzi essenzjali tagħna jibqgħu taħt il-kontroll tal-poplu Malti.




Comments