Skip to main content

Indħil u impożizzjoni fil-Kunsilli Lokali

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 28 ta' Settembru 2016



Nhar it-Tnejn li għadda l-Kunsill Lokali tal-Gudja għadda minn esperjenza mhux normali.

Biex inpoġġikom fil-kuntest, xhur ilu il-Kunsill kien iddeċieda li temporanjament imexxi l-operat tiegħu għal Librerija Pubblika. Dan wara li l-Perit irrapporta li l-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali kien jinsab fi stat perikoluż, fejn kien anke qed jaqa’ l-ġebel mis-saqaf. Il-Kunsill qabel li jsir xogħol ta’ restawr fuq il-binja, u li din issir aċċessibbli għal persuni b’diżabilita’ u anzjani, minħabba li dawn biex jinqdew kien qed ikollhom jitilgħu żewġ sulari taraġ, liema taraġ kien wieqaf ħafna. Xi ħaġa li kienet diffiċli għall-anzjani, u impossibbli għal nies f’siġġu tar-roti.

Għalkemm il-binja ġiet restawrata mill-periklu, l-aċċessibilita’ ma tranġat qatt. Sadattant, in-nies bdew jirrikorru ħafna aktar għas-servizzi tal-Kunsill kemm dam jopera mil-Librerija Pubblika fejn kien qed iservi minn sular livell mat-triq.

Ġara illi xi ġimgħat ilu, il-Kunsill irċieva komunikat mid-Direttur tal-Gvern Lokali biex jirritorna lura fl-Uffiċċju Amministrattiv fejn kien qabel. Kumbinazzjoni, dan wasal wara li l-Kunsill fakkar lill-Gvern biex jipproċedi fuq l-impenn ta’ €15,000 li kien għamel mal-Kunsill Lokali għal proġetti kapitali, u wara li l-Kunsill qajjem numru ta’ mistoqsijiet fuq l-iżvilupp eċċessiv fl-Ajruport Internazzjonali, u wara li l-Kunsill oġġezzjona għall-bini ta’ tankijiet tal-ħażna tal-fuels f’Ħas Saptan, u wara li ntalbet investigazzjoni fuq is-sehem tas-Sindku u tal-Perit Buhagiar fin-nuqqasijiet li saru fi proġett tal-Kunsill fi Triq Birżebbuġia.

Appoġġ immedjat

Din it-talba tad-Direttur sabet l-appoġġ immedjat tas-Sindku, u intbagħtu anke’ emails minn Mario Fava lill-kunsilliera laburisti biex immedjatament jobdu. Minkejja dan, l-erba’ kunsilliera li aħna, inkluż dawk tal-Partit Laburista, żammejna sod u bqajna nagħtu priorita’ lill-aċċessibilita’ tal-persuni b’diżabilita’ u tal-anzjani, u vvutajna l-erbgħa li aħna kontra t-talba tas-Sindku biex inċaqalqu s-servizz tagħna bħala Kunsill immedjatament. Sadattant, għamilna talba lill-Ministru għal Gvern Lokali biex japprova l-għoti tas-servizzi tal-Kunsill mil-Librerija, liema talba għadha s’issa injorata, filwaqt li ilħaqna ftehim mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni għall-użu ta’ żewġ kmamar oħra mill-Iskola.

It-Tnejn li għadda l-Viċi Sindku u jiena ressaqna mozzjoni flimkien biex il-Kunsill Lokali, b’sens komun, japprova li l-laqgħat jerġgħu jibdew isiru mill-Uffiċċju Amministrattiv preċedenti kif qed jitlob id-Direttur, pero’ li s-servizzi temporanjament jibqgħu jingħataw mil-Librerija sakemm ikollna l-għajnuna neċessarja mill-awtoritajiet biex l-uffiċċju l-ieħor jsir aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilita’.

Sfortunatament, is-Sindku ddikjara malli fetaħ il-laqgħa li l-mozzjoni mressqa “hija ‘l barra mill-poter tal-Kunsill u għaldaqstant ma tistax tiġi diskussa”. Kontra kull sens ta’ demokrazija, huwa ddikjara l-laqgħa magħluqa mingħajr ma biss ippermetta diskussjoni.

Oġġezzjoni fil-minuti

Minkejja dan, il-Viċi Sindku u l-kunsilliera kollha kemm aħna, kemm dawk eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista u kemm dawk eletti f’isem il-Partit Laburista, tlabna lis-Segretarju Eżekuttiv iniżżel fil-minuti l-oġġezzjoni tagħna għal din id-deċiżjoni, għax nemmnu li ħadd ma għandu jwaqqaf milli tiġi diskussa mozzjoni li ġiet ipproponuta u issekondata kif titlob il-liġi, u li titratta materja li tolqot daqstant mill-qrib lir-residenti bħalma hi l-aċċessibilita’ tagħhom għas-servizzi li joffri l-Kunsill Lokali innifsu.

F’din il-kwistjoni kien hemm appoġġ wiesgħa minn kulħadd, u l-ġid tar-residenti, speċjalment dawk anzjani u dawk b’diżabilita’, tpoġġa’ qabel kull interess partiġġjan mill-Kunsilliera kollha, ħlief is-Sindku. Sfortunatament, għal darb’oħra qed jiġi ikkonfermat li l-Kunsill Lokali tal-Gudja huwa mmexxi minn Sindku li jkompli jagħmel li jrid mingħajr konsultazzjoni ma’ sħabu l-kunsilliera.

Dan hu l-istess Sindku li bħalissa jinsab investigat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali rigward Triq Birżebbuġia, li bagħat il-Pulizija b’mod abbużiv fid-dar ta’ resident li hu ma riedx jara iżjed fl-uffiċċji tal-Kunsill, li qabad u ddeċieda waħdu li imprenditur fil-lokal jiġi eskluż illegalment mix-xiri tal-Kunsill, u li dan l-aħħar ġie żvelat li jieħu d-direzzjoni għad-deċiżjonijiet tiegħu mill-Partit Laburista minflok jaħdem għall-interess tal-Gudjani kollha.

Sfortunatament, anke’ fil-Kunsilli Lokali qed naraw tmexxija li tagħlaq ħalq min ma jaqbilx magħha, u li ma tagħtix każ il-bżonnijiet tal-anzjani u l-persuni b’diżabilita’, li aħna nemmnu li għandhom ikunu parti integrali mill-komunitajiet tagħna. Ta’ min jistaqsi kemm fil-verita’ l-Kunsilli Lokali qed jingħataw l-awtonomija neċessarja biex joperaw, u kemm verament dan il-Gvern jemmen fis-sussidjarjeta’, meta anke’ fuq kwistjonijiet purament lokali bħal dawn qed ikun hemm daqstant indħil u impożizzjoni mid-Dipartiment, mill-Ministeru, u mill-Partit Laburista.



Comments