Skip to main content

Nirnexxu lkoll flimkien

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta' Settembru 2016

It-tema magħżula mill-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-Indipendenza ma setgħetx kienet aktar f'waqtha. Nirnexxu lkoll flimkien. Għalfejn proprju din it-tema għall-Indipendenza ta' din is-sena?

Għax huwa ċar li filwaqt li ninsabu fi żmien fejn l-ekonomia sejra tajjeb, grazzi għax-xogħol siewi li sar u l-inċentivi li ttieħdu f’dawn l-aħħar 29 sena, żgur li maħniex nirnexxu lkoll. Hemm min qed jirnexxi, vera. Qed jirnexxu tal-qalba, dawk li huma qrib ta' Joseph Muscat, dawk li għenu fil-kampanja elettorali, dawk li wisq probabli taw donazzjonijiet lill-Partit Laburista.

Qed jirnexxu dawk li mingħajr ma jimmeritahom ingħataw karigi b'salarji li ħafna mill-ħaddiema lanqas biss joħolmuhom: Cyrus Engerer, li minkejja s-sentenza sospiża u n-nuqqas ta' clearance tas-sigurta', tant li Leo Brincat irrifjuta li jkun akkumpanjat minnu fil-lobbying tieghu ghal hatra fil-Qorti tal-Awdituri, qed jieħu ‘l fuq minn €80,000 fis-sena; Sai Mizzi u n-nofs miljun ewro li ħadet għalxejn; James Piscopo, li minkejja l-paga fenomenali tiegħu tħalla jiftaħ kumpanija privata waqt li jokkupa kariga pubblika kontra kull etika; Glenn Beddingfield u l-blog kollu gideb u ħdura tieghu li jikteb waqt li jitħallas minn fondi pubbliċi; Phyllis Muscat u l-bella kumpanija li tpoġġew fi rwoli mingħajr ma kellhom l-ebda esperjenza fihom; it-taparsi 'whistle-blower' fil-każ ta' Tonio Fenech li sfaċċatament ingħata 6,000 metru kwadru ta' art mill-Malta Enterprise mingħajr ma għandu ħaddiema rreġistrati miegħu, apparti kuntratti u jobs għalih u martu; il-Brigadier mhux kwalifikat tal-Forzi Armati li għandna, li ngħata erba' promozzjonijiet f’daqqa; u n-nies kollha li dehru fil-billboards tal-kampanja Laburista, li issa qed jitħallsu sew minn flusna. 

Qed jirnexxu magħhom dawk li għandhom biżżejjed biex jiftħu kontijiet u kumpaniji moħbija l-Panama u b’hekk, fi kliemhom, jaħbu dħul minn 'senseriji': Konrad Mizzi, Keith Schembri, Brian Tonna, u l-bniedem misterjuż l-ieħor, kumbinazzjoni kollha nies b'uffiċċju f'Kastilja. 

Qed jirnexxu l-iżviluppaturi tat-taparsi universita', taparsi Amerikana, li ingħataw biċċa art minn flusna biex jeqirduha u jiżviluppawha. Qed jirnexxi l-eks-proprjetarju tal-Cafe Premier, li grazzi għal email ta' Joseph Muscat, minn bniedem midjun bil-kbir mal-Gvern, spiċċa ha €4.2 miljuni. Qed jirnexxi Gaffarena, li xtara biċċa minn proprjeta' u sar miljunarju minn fuqha, grazzi għal Michael Falzon u l-pressjoni li għamel l-istaff tas-Segretarjat tiegħu f’Kastilja. Qed jirnexxu l-iżviluppaturi tal-powerstation il-ġdida, li ħa jagħmlu l-miljuni grazzi għall-garanzija bankarja li għamilnielhom aħna minn flusna.

Dawn huma n-nies li qed jirnexxu fiż-żmien li l-ekonomija sejra tajjeb u l-prezz taż-żejt niżel mal-art. Il-bqija? Qed jaraw il-kwalita' tal-ħajja tagħhom tiżdied jew le?

Dawk li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali? Qed jirnexxu meta l-kera għolitielhom b'ħames darbiet aktar? Il-ġenituri? Qed jirnexxu meta l-miżati tal-eżamijiet splodew? Il-ħaddiema? Qed jirnexxu meta ż-żidiet fil-pagi naqsu b'sitt darbiet anqas milli kienu fl-agħar tal-kriżi finanzjarja? Qed jirnexxu biż-żidiet miżeri ta’ 58ċ waqt li tal-qalba jiffangaw u jistgħanew?

Għalhekk, issa hu l-mument li dawk kollha ta’ rieda tajba jingħaqdu wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, biex flimkien, nerġgħu nibnu pajjiż fejn jirnexxi kulħadd u mhux il-ftit, fejn il-liġi u l-ġustizzja jkunu l-istess għal kulħadd, fejn kulmin jagħmel ħażin, hu min hu, jigi investigat, u min hu postu l-ħabs imur il-ħabs u mhux jgħaddieha lixxa f’Kastilja.


Issa hu l-mument li flimkien naħdmu biex nibnu l-Malta li rridu ngħixu fiha. Malta iżjed ġusta, Malta iżjed miftuħa, Malta fejn kulħadd ikollu l-istess opportunita’ li jirnexxi.

Comments