Skip to main content

Deċiżjoni kontra l-poplu

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Erbgħa 21 ta' Diċembru 2016


It-Tnejn li għadda il-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) iddeċieda bi tmien voti kontra wieħed favur li jinħareġ il-permess IPPC biex it-tanker tal-gass u l-powerstation il-ġdida tal-Electrogas jibdew joperaw.

Il-Partit Laburista sejħilha deċiżjoni storika. U hija deċiżjoni storika tassew, għax hija l-ewwel darba fl-istorja tal-umanità li ġie approvat permess biex tanker, bla magni, mimli gass LNG, mingħajr regasification unit, jissuplixxi l-LNG lejn l-art f’port miftuħ għall-elementi. L-ewwel wieħed fid-dinja.

Minn kollox għamel il-Bord tal-ERA biex ifixkilna fil-proċess. L-ewwel tagħna biss tletin ġurnata biex induri 15,000 paġna ta’ dokumentazzjoni, u mbagħad żidhomlna b’miżerja ta’ għaxart ijiem oħra għal erbgħin ġurnata. Imbagħad fil-laqgħa tal-konsultazzjoni pubblika fejn għamilna l-mistoqsijiet lill-operatur ħlewlna erba’ siegħat mil-laqgħa bi preżentazzjonijiet, biex ma ħallewx ħin għal mistoqsijiet kollha. Imbagħad meta ħarġu r-risposti, jew aħjar in-nofs risposti jew ħarba mit-tweġibiet il-Ħamis li għadda, qalu li l-laqgħa li fiha tittieħed id-deċiżjoni ser issir nhar it-Tnejn, inqas minn jumejn tax-xogħol wara.

Morna ppreparati

Għalkemm kien hemm dawn l-ostakli kollha, grazzi għal team ta’ esperti immexxija b’abbilità minn Dr Ann Fenech, irnexxielna nduru d-dokumentazzjoni u t-tweġibiet kollha, u morna għal laqgħa tat-Tnejn preparati. Ġejna insulentati bi ħsejjes u tgħajjir degradanti mill-marmalja laburista li ntbagħtet mhux biex bħalna, issemma leħinha u l-ħsibijiet tagħha, imma purament biex tipprova twaqqaf lilna biex insemmgħu leħinna. Pero’ l-punti tagħna għamilniehom, tant li bqajna sal-aħħar ma ħadniex tweġibiet ċari għal numru ta’ punti. Fosthom għal kif ħa jinqala’ l-vapur minn mal-istorm moorings biex jinħareġ barra l-port f’każ ta’ maltemp estrem, għal kif iddeċidew li ma jieħdux inkonsiderazzjoni l-maltemp fir-risk assessment, għal kif ħa jitħallew joperaw meta miżuri ta’ sigurtà bħal quick release hooks qed jammettu li ma ġewx installati fuq il-vapur, għal kif jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mad-direttiva Seveso III meta għad ma kien hemm l-ebda laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-residenti biex jiġi ppreparat il-pjan ta’ emerġenza, għal kemm hu n-numru aċċettabbli ta’ nies li r-rapport jgħid li jistgħu jmutu, għal kif qed jgħidu li sħaba tal-gass f’każ ta’ leak ma tasal qatt Marsaxlokk meta l-kalkoli tal-espert Pasman fl-2014 kienu qalu li jekk ir-riħ ikun favorevoli l-isħaba tal-gass tista’ tikber għal 2.3km u tgħatti Marsaxlokk kollu, u għal kif ma ġietx studjata l-possibilità li bi ftit miljuni oħra, dan it-tanker kien jitpoġġa barra ‘l port u jkun jista’ jitħaddem anke’ fil-maltemp, filwaqt li jkun aktar ta’ serħan il-moħħ għar-residenti kollha.

Minkejja dawn in-nuqqasijiet kollha, il-Bord kollu tal-ERA ħlief għal Profs Maria Attard, ivvutaw favur li jinħareġ dan il-permess. Għalina din hi deċiżjoni deplorabbli, għax il-Bord kien l-aħħar tarka istituzzjonali li kien baqagħlu ċ-ċittadin quddiem dan il-monument tal-korruzzjoni. 

Periklu inutli

Proġett li ilbieraħ reġa’ ġie kkonfermat mill-Enemalta li m’hemmx bżonnu, meta qalu li anke’ meta jintefa’ kollox għax it-tanker jinqala’ minn postu fil-maltemp, l-Enemalta xorta għandha biżżejjed kapaċità biex tissuplixxi l-enerġija kollha tal-pajjiż. Proġett li ħa jwassal biex nixtru l-elettriku bi prezz id-doppju ta’ dak li nistgħu nixtru mill-interconnector. Proġett li ħa jwassal biex is-sigurtà tar-residenti u l-proprjetà tagħhom titqies f’periklu inutli.

Minn hawn insellem ukoll lill-Inġinier Arthur Ciantar, li kellu l-kuraġġ jiftaħ protest ġudizzjarju fil-Qrati, liema protest iżomm il-membri kollha tal-Bord li approvaw il-permess responsabbli b’mod individwali jekk qatt jinqala’ xi inċident. Ovvjament il-Gvern ‘demokratiku’ li għandna infexx f’attakk isteriku kontra dan iċ-ċittadin privat, sempliċiment għax eżerċita d-dritt demokratiku tiegħu li jsemma’ leħnu u juri nuqqas ta’ qbil ma’ dak li jridu t-trinità korrotta Panamjana ta’ Kastilja.

Għal darb’oħra, bħalma ġara fil-masterplan ta’ Paceville, ħareġ ċar li għal dan il-Gvern iċ-ċittadin huwa sekondarju. F’Paceville il-profitti ta’ erba’ pampaluni ġew qabel il-proprjetà u l-ħajja tar-residenti u n-negozjanti. F’Marsaxlokk il-profitt ta’ kumpanija privata, li għamilnielha garanzija bankarja aħna, ġie qabel is-sigurtà tar-residenti u l-proprjetà tagħhom.

Dik hi l-Malta li qed ngħixu fiha. Malta fejn iċ-ċittadin ma baqagħlu l-ebda tarka, lanqas l-awtoritajiet suppost indipendenti, quddiem ir-regħba tat-trinità ta’ Kastilja u l-klikka tagħha.


Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lilkom ilkoll Milied hieni u sena ġdida mimlija barka u risq.


Comments