Skip to main content

Is-Sena tal-Panama Papers

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Erbgħa 4 ta' Jannar 2017


Bdiet sena ġdida, u hekk kif issa waslu biex jgħaddu l-festi, mal-ewwel ħarsitna tmur fuq dak li ser tkun qed toffrielna din is-sena b’mod speċjali fuq sfond politiku. Mhux biss, imma bħal alla Janus, li kellu wiċċ iħares lura u ieħor iħares ‘il quddiem u li għalih hu msemmi x-xahar ta’ Jannar, nagħtu ħarsa lejn dak li għaddejna minnu matul is-sena l-oħra.

Is-sena 2016 tibqa’ msemmija madwar id-dinja bħala s-sena tal-Panama Papers. Dan kien l-ikbar leak ta’ informazzjoni fuq livell internazzjonali, li kixef kif dittaturi, oligarki, politiċi korrotti u kriminali, jaħbu flushom u d-dħul li jagħmlu b’mod illegali, kemm biex dan id-dħul mill-kriminalità ma jiġix investigat, u wkoll biex dħul ieħor li jista’ jkun legali ma titħallasx taxxa fuqu. Dan l-iskandlu wera l-inġustizzja kbira li hawn madwar id-dinja, fejn il-ħaddiem komuni jħallas it-taxxa, filwaqt li s-sinjur u l-korporazzjonijiet jevaduha.

Skandlu

F’Malta dan l-iskandlu laqatna b’mod partikolari għax fih ħareġ kif iż-żewġ min-nies l-aktar qrib ta’ Joseph Muscat, u allura l-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff Keith Schembri, kif ukoll persuna oħra li ma nafux min hi imma lkoll nistgħu nassumu min probabli hi, kollha kienu fetħu kumpaniji moħbija fil-Panama, b’istruzzjonijiet biex dawn il-kumpaniji jibqgħu moħbija mill-awtoritajiet Maltin, u magħhom pruvaw jiftħu kontijiet bankarji madwar id-dinja biex fihom ipoġġu dħul mis-“senseriji u konsulenzi”, jiġifieri mill-korruzzjoni. Sirna nafu li anke’ l-accountant tagħhom Brian Tonna, li wkoll għandu uffiċċju Kastilja, fetaħ kumpaniji fil-British Virgin Islands fejn fost l-oħrajn qed idaħħal commissions mill-bejgħ tal-passaporti (li suppost daħħalna minnhom mijiet ta’ miljuni li ħadd ma jaf fejn marru).

Agħar minn hekk, il-Prim Ministru iddefenda dan kollu u ma ħa l-ebda passi. U dan, flimkien ma’ numru ta’ skandli oħra li impossibli nsemmuhom kollha hawn, neħħa kull dubju minn moħħ kulħadd li dan hu Gvern korrott. Illum m’hawn ħadd f’Malta li ma jemminx li l-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu huma qatta’ korrotti moħħhom biss kif ħa jimlew buthom, litteralment f’sakra ta’ regħba ma jarawx art (saqsu ‘l Chris Cardona).

Responsabbiltà

U dan xi jfisser għalina issa li ser nibdew is-sena 2017? L-ewwel nett dan jitfa’ fuqna responsabbilità kbira. Pajjiżna ma jistax jerġa’ jagħmel ħames snin bħal dawn, inkella ser jitlef kull sens ta’ diċenza u ta’ serjetà, filwaqt li l-ħsara li qed issir lir–reputazzjoni tagħna tispiċċa tkun waħda irreparabbli. Pero’ ma nistgħux naħsbu li nistgħu nirbħu biss għax il-Gvern preżenti huwa korrott. Irridu noffru viżjoni ta’ Gvern alternattiva, irridu noffru programm ta’ ħidma li juri li meta l-politika titmexxa b’serjetà u onestà, igawdi kulħadd u jirnexxi kulħadd. Diġa’ ħriġna numru sabiħ ta’ dokumenti li jispjegaw il-viżjoni u l-politika tagħna. Matul din is-sena irridu naraw li dawn nispjegawhom sew u nwassluhom għand in-nies, biex il-viżjoni u l-ħolma tagħna issir il-viżjoni u l-ħolma tal-kumplament tal-poplu.

Hekk għamilna snin ilu, meta l-ħolma u l-viżjoni tagħna ta’ Malta fl-Ewropa, ta’ Malta Ewropea, saret il-ħolma u l-viżjoni tal-poplu kollu, minkejja kull intopp u gidba li mexxa l-Partit Laburista u Joseph Muscat dak iż-żmien. U frott ta’ dan, f’dawn is-sitt xhur Malta ħa jkollha r-riedni tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Ironika li ħa jkun proprju Joseph Muscat li jassumi dan ir-rwol wara li ħadem tant kontrieh. Pero’ dan hu r-riżultat tal-politika tagħna, li mill-frott ta’ ħidmietna jirnexxi kulħadd għal snin sħaħ wara, inkluż minn ħadem tant kontra.

Il-verità hi li ma nafux jekk l-2017 hix ser tkun is-sena tal-elezzjoni. Nistgħu biss nispekulaw. Li hu żgur hi li l-elezzjoni mihix aktar minn sena u 3 xhur ‘il bogħod, u allura din żgur ser tkun is-sena tar-rankatura finali. Sena li trid issibna preparati, biex meta jasal il-mument, nerġgħu nikkonvinċu lil poplu li t-triq vera ‘l quddiem mihix it-triq tal-korruzzjoni u l-bejgħ ta’ dak kollu li hu tagħna, imma t-triq tas-serjetà u tal-integrità, biex verament nirnexxu lkoll.

Nawgura sena mimlija saħħa, ġid u hena lilkom ilkoll.


Comments