Skip to main content

Il-Vot Tiegħek, Xi Jgħid Fuqek?

Il-kontribut tiegħi fuq In-Nazzjon fit-23 ta' Mejju 2017:

Tiftakru meta Donald Trump ġie elett bħala President tal-iStati Uniti?  Dakinhar, id-dinja baqgħet imbellħa bl-għażla tal-elettorat Amerikan.  Għalkemm kull nazzjon huwa liberu biex jtella’ l-gvern li jidhirlu, l-Amerikani xejn ma dehru tajjeb bl-għażla tagħhom.  Fit-3 ta’ Ġunju, aħna l-Maltin wkoll se jkollna għajnejn id-dinja jħarsu lejna, ħerqana biex jaraw xi jsarraf il-poplu Malti.

Il-vot tiegħek, x’ħa jkun qiegħed jgħid fuqek bħala individwu u fuq il-ġens Malti?

Wara dawn l-aħħar erbgħa snin, fejn int rajt f’liema abissi ta’ korruzjoni waqa’ l-Gvern Laburista, vot lill-PL ifisser li int qed taċċetta l-ħażen.  Muscat qed juża din l-elezzjoni biex jġegħlek ittiħ timbru t’approvazzjoni bħallikieku se jinħafrulu dnubietu.  Għax la lanqas bi skandli enormi bħall-Panama Papers, Gaffarena u Cafe’ Premier ma jiskruplaw il-Maltin, xi jwaqqaf lil Joseph Muscat milli jagħmel agħar?  Il-vot tiegħek, se jidwi f’widnejn Muscat bħala “Kompli għaffeġ għal ħames snin oħra, sur prim Ministru.  Int u sħabek.  Kollox sew!  Ħallihom jistgħanaw bil-miljuni waqt li aħna nieħdu l-loqom qabel l-elezzjoni.  Wara kollox jien stess qed ngħidlek, bil-vot tiegħi favurik.” 

S’issa, dawk li vvutaw lil Joseph Muscat fl-2013 kellhom il-benefiċċju tad-dubbju.  Xtaqu bidla ġenwina fil-governanza ta’ pajjiżna; meritokrazija, trasparenza u accountability.  Kellhom il-kuraġġ jivvutaw għal bidla u s’hemmhekk kollox sew.  Pero’ issa li Muscat urihom il-veru wiċċ tal-Partit Laburista u tradihom fuq il-wegħdiet prinċipali li l-aktar messewlhom qlubhom, wasal iż-żmien li jqumu u juru l-weġgħa tagħhom.  Il-vot tagħhom irid ikun ċar... ħadd ma jidħak bina darbtejn.  U jekk int “switcher” (kif sirna nafuhom), terġgħa tivvota lill-Partit Laburista, ikun ifisser li tħobb tissawat u qed tifrex it-triq biex Muscat u sħabu jirrumblaw fuqek definittivament.  Ma tistax tibqa’ tinħeba aktar wara l-fatt li Muscat tradiek fl-2013, li stennejt aħjar u li l-wegħdiet tiegħu kienu nobbli.  Issa taf xi jsarraf, u jekk terġgħa tivvotalu, int ħati daqsu għax tellajtu fil-gvern biex jkompli jidħak bik u bina lkoll.  Darbtejn!

Jekk jirritorna tal-Labour fil-Gvern, l-investituri barranin se jieħdu l-impressjoni li f’Malta tirrenja l-korruzzjoni u l-Maltin parti minnha għax meta l-ballun ġie f’saqajhom, għażlu li ma jeħilsux mill-Gvern korrott li tant ħammrilhom wicchom.

Jekk int m’intix ser tivvota, għal kwalunkwe’ raġuni, int ukoll qed tagħmel għażla.  Bis-silenzju tiegħek, int qed tagħżel li ma tibdilx il-gvern korrott, u allura kompliċi miegħu.  M’hemmx skuzi.  M’hemmx dispjaċiri wara.  Jew miegħu jew kontrih.

Vot tiegħek lill-Forza Nazzjonali, jfisser li int qed tiġġieled il-korruzzjoni bl-ikbar arma li għandna bħala poplu; il-vot.  Huwa l-uniku mod kif intajjru l-intiena ta’ korruzzjoni minn fuq pajjiżna u nuru lid-dinja li l-poplu Malti huwa tassew ġenwin.  Vot lill-Forza Nazzjonali jsewwi r-reputazzjoni ta’ Malta, biex nerġgħu niksbu il-fiducja tal-barranin u nipproteġu l-businesses u l-impjiegi tagħna fit-tul.  Vot lill-Forza Nazzjonali juri biċ-ċar li aħna konnha ingannati minn Joseph Muscar, u li ma’ l-ewwel opportunita’ urejnih il-bieb, għax dal-Gvern Laburista korrott ma jirrapprezentaniex. 

Filosofu famuz darba qali li, “F’demokrazija, il-Poplu jkollu l-gvern li jixraqlu”.  Int x’jixraqlek?  Uliedek x’jixirqilhom?  Pajjiżek x’jixraqlu?  Kun ċert li bil-vot tiegħek int u pajjiżek ma tidrux kompliċi fil-korruzzjoni ta’ dal-Gvern.  Bil-vot tiegħek lejn il-Forza Nazzjonali, int ha tirrifletti l-istoffa tal-poplu Malti, li kull meta ġie mgħajjat għall-prova, għażel is-sewwa.

Comments