Skip to main content

Nagħżel Malta, Nagħżel Simon

Artiklu li deher f' Il-Mument nhar it-28 ta' Mejju 2017

Lil’hinn mill-battalja elettorali bejn il-partiti, hemm il-battalja ta’ Simon Busuttil biex ireġġa’ lura lil Malta mix-xifer perikoluż li qarrbuna lejh Joseph Muscat u sħabu.

Il-Partit Laburista għamel sforzi kbar tul dawn l-aħħar erbgħa snin biex jiskredita lil Simon Busuttil bħala mexxej.  Iżda dan itik x’jifhem li l-laburisti tassew qegħdin jibżgħu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-mewġa ta’ bidla li qed iġib miegħu.  Jekk l-għadu tiegħek batut, ma tindaħallux bit-tama li jibqa jgħaffeġ, u mhux tinfexx tattakkah ma kull mossa li jagħmel!  Il-kampanji kontinwi kontra Simon Busuttil jikxfu l-vera biża’ tagħhom minn dan il-potenzjal Prim Ministru li qed imexxi l-Forza Nazzjonali.

Forsi diġa’ nsew li Busuttil  li mhuwiex “unknown quantity” u li sa minn qabel ma sar Kap tal-Partit, kien diga’ ta kontribut lill-Maltin aktar minn ċertu politiċi li ilhom isaħħnu s-siġġu għexieren ta’ snin.  Bħala wieħed mill-figuri ewlenin fil-kampanja favur sħubija fl-Unjoni Ewropeja, Simon Busuttil kien strumentali biex Malta tissieħeb fl-EU.  Dakinhar, il-periklu wkoll kien ġej mill-Partit Laburista u minn Joseph Muscat, li prova jbigħilna l-ħrafa tal-Partnership mis-Super One.  Dakinhar Busuttil rebaħ lil Joseph Muscat u gawda l-poplu kollu. 

Bħala MEP, Busuttil ukoll ġie rikonoxxut bħala politiku ħabbrieki u li ddefenda l-interess ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox.  U għalkemm kien qiegħed jikseb suċċess fuq livell Ewropew, meta l-PN kellu l-aktar bżonnu, Simon Busuttil wera sens ta’ responsabilita’ u niżel minn Brussels biex jagħmel il-parti tiegħu.  Id-dover ġie qabel il-gwadann u l-ambizzjoni personali u Simon għażel li jsir il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista minkejja li kienet triq għat-telgħa.  Kellu bżonn Joseph Muscat ukoll jieħu spunt minn Simon Busuttil u jitgħallem iġib id-dover u r-responsabilita’ qabel il-gwadann personali tal-klikka tiegħu.

Busuttil kellu jistinka biex jerġa’ jirriforma l-PN wara l-ikbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu.  Dan kollu waqt li kostantement mgħajjat jiġġieled sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni, sfreġji ambjentali u governanza ħażina mill-gvern ta’ Joseph Muscat.  Imma sforz l-argumentar kompost tiegħu, il-forza tal-perżważjoni u qalb ġenwinament soċjali, illum il-Partit Nazzjonalista sar l-għażla naturali tan-nies ta’ rieda tajba.  Umbrella kbira li tiġbor fiha żgħar u kbar, ħaddiema u studenti, pensjonanti u nisa’ tad-dar.  Ikollok taqbel li turi kapaċita’ kbira minn naħa ta’ Busuttil li l-partit qed jiġġieled din l-elezzjoni unit u b’konvinzjoni ta’ rebħa, wara biss erba’ snin minn telfa ta’ 36,000 vot.

Il-verita’ hi li meta tqabbilhom, iż-żewġ mexxejja terrqu mogħdija simili ħafna, iżda b’riżultati totalment differenti.  Fl-2013 l-poplu Malti, għal darba, fettillu jisma’ minn Joseph Muscat minflok minn Simon Busuttil… u spiċċajna bl-aktar gvern korrott fl-istorja ta’ Malta.  M’hemmx skuża issa.  Provajnihom it-tnejn, nafu xi jsarrfu u issa gejna msejjħa biex nuru lil Muscat li mhux ħa nerġgħu naqgħu fin-nassa.

Simon Busuttil, bl-għemil u mhux bil-paroli, dejjem wera li hu politiku qrib il-poplu u li jaf jaqra ż-żminijiet sabiex id-destin dejjem isibu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.  Iġġieled il-ġlidiet tiegħek fil-passat u qed jissielet għalik issa wkoll.  Għalhekk għandek tagħżel Malta immexxija minn Simon Busuttil fit-3 ta’ Ġunju.  Biex int u Malta jkollkom tarka tiddefendikom kontra min il-ħajja politika tiegħu qattagħha jipprova jingannakom, u biex tkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja:  In-naħa tal-politika onesta u l-politika għan-nies.


Comments