Skip to main content

Lura għall-Parlament



Din il-ġimgħa reġa’ infetaħ il-Parlament wara l-btajjel tas-Sajf. U l-Partit Nazzjonalista mill-ewwel irritorna għal ħidma Kostituzzjonali tiegħu fl-Oppożizzjoni.

L-ewwel abbozz li tressaq quddiem il-Kamra għad-dibattitu huwa l-abbozz ta’ emendi għall-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li qed jintroduċi l-kunċett ta’ “skrutinju” Parlamentari għal dawk appuntati f’ċertu karigi, bħall-ambaxxaturi u Kapijiet ta’ Awtoritajiet. Dawn l-emendi jinsabu fuq is-sit tal-Parlament (www.parlament.mt) kif ukoll fuq is-siti ta’ bosta ġurnali elettroniċi Maltin. Sfortunatament, minkejja li xi ħaġa bħal din kellha tressaqna aktar lejn il-kultura Ewropea u ssaħħaħ l-istrutturi demokratiċi f’pajjiżna, dawn l-emendi m’huma jagħmlu xejn minn dan u infatti qed jiġu kritikati fuq diversi aspetti kemm mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, kemm mill-Partit Demokratiku, u anke’ mill-Alternattiva Demokratika. Ħa nispjega għalfejn.

L-ewwel nett, dan l-iskrutinju qed isir wara li l-Gvern Laburista ħataf f’idejh l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż. Lil min kellu jlaħħaq, issa laħqu. Il-ħatriet l-importanti, laħqu saru. Issa jrid idaħħal l-iskrutinju?

It-tieni, l-att jagħmel ħafna eċċezzjonijiet, per eżempju l-Kummissarju tal-Pulizija. Għalfejn dan ma għandux jgħaddi mill-iskrutinju wkoll?

It-tielet, l-att iwaqqaf Kumitat Parlamentari biex jagħmel l-iskrutinju, u mhux il-Parlament kollu. Mhux hekk, imma l-iskrutinju jitlob biss li dawn jibagħtu mistoqsijiet bil-miktub! Dak eżami! Tibgħat il-mistoqsijiet bil-miktub, u l-kandidat iwieġeb bil-miktub. Forsi l-ewwel eżami fejn il-kandidati jirċievi l-mistoqsijiet tal-eżami qabel imur għall-eżami. Għalfejn ma jsirx skrutinju kif isir f’kull Parlament fid-dinja, inkluż fil-Parlament Ewropew, u l-mistoqsijiet isiru dak il-ħin minn kulħadd, u jrid jitwieġbu dak il-ħin mill-kandidat?

Ir-raba’, u forsi l-agħar nuqqas li għandu dan l-Att, huwa li dak li jiddeċiedi dan il-Kumitat fl-iskrutinju tiegħu ikun biss “parir”. Il-Ministru jista’ jew jimxi miegħu, jew ikompli għaddej kif jidhirlu. Mela bir-rispett kollu, x’inhu l-użu ta’ dan il-proċess kollu? Pantomima ta’ ħela ta’ ħin biex taparsi qed nagħrblu lil min naħtru?

Huwa ċar li l-għan ta’ dan l-Att mhuwiex li nsiru pajjiż aktar Ewropew, imma gimmick ieħor ta’ Gvern li jgħix biss minn fuq il-propoganda.

Sadattant, din il-ġimgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħa wkoll postu fil-Parlament. Grazzi għall-ġest nobbli ta’ Jean Pierre Debono u Peter Micallef, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kellu l-fakultà jressaq co-option ta’ Deputat, u b’mod unanimu kif mistenni ġie propost Adrian Delia. B’hekk seta’ jieħu l-ġurament ta’ Membru Parlamentari, u l-Ġimgħa ħa wkoll il-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Nawguraw lil Adrian Delia fil-ħidma Parlamentari tiegħu u fit-tmexxija tal-Oppożizzjoni. Konvint li bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari, u bl-appoġġ tagħna lkoll, il-Partit Nazzjonalista jkompli jibni l-kredibbilità tiegħu u jippreżenta lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 08 t' Ottubru 2017.

Comments