Matul din
il-ġimgħa, fuq is-site manueldelia.com,
ġew ippublikati ‘l hekk imsejħa Ferris Tapes. Fi ftit kliem, dawn huma
intervisti qosra u irrekordjati mal-ex-Spettur tal-Pulizija, ex-investigatur
tal-FIAU u illum whistle-blower, Jonathan Ferris. Dawn l-intervisti saru mill-blogger Manuel Delia flimkien
mal-ġurnalista Ellen Trapp mill-ARD TV (organizzazzjoni konġunta
tal-istazzjonijiet pubbliċi reġjonali tal-Ġermanja).
Dawn l-intervisti
maqsumin fuq erba’ recordings ta’
madwar 10 minuti ‘l waħda. L-aħħar parti tal-intervista tinsab fil-link https://manueldelia.com/2017/11/listen-ferris-tapes-part-4/. Minn hawnhekk wieħed jista’ wkoll isib
il-link għat-tliet partijiet l-oħra.
X’joħroġ minn
dawn l-intervisti?
L-ewwel nett,
Ferris jitkellem fuq iż-żmien li għamel fl-Economic
Crimes Unit tal-Korp tal-Pulizija. Jitkellem fuq kif mexxa l-prosekuzzjoni
fil-każ ta’ John Dalli, każ ta’ frodi fuq anzjani Amerikani, u kif lesta
r-rapport f’Novembru 2015. Sentejn ilu. Il-prosekuzzjoni ittellgħet il-Qorti
biss issa, wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-akkuża li f’Malta spiċċat
is-saltna tad-dritt.
Kien beda
jinvestiga wkoll il-każ tal-frodi tal-visas lil-Libjani, liema każ pero’
l-iskwadra tiegħu ma kellhiex biżżejjed riżorsi biex tara d-dokumentazzjoni
kollha u tmexxi fil-Qorti.
Tkellem ukoll fuq
l-iskandlu taż-żejt, li kien qed jinvestiga hu wkoll u li fih kien diġa’ ressaq
nies il-Qorti. Meta mistoqsi, ikkonferma li iva, f’dak iż-żmien kien jitħalla
jinvestiga bil-libertà kollha, mentri mal-bidla fil-Gvern beda jitwaqqaf, daqqa
b’nuqqas ta’ riżorsi u daqqa mis-superjuri tiegħu.
B’mod
partikolari, jiżvela li l-unika raġuni għala kien talab biex jitmexxa mill-Korp
tal-Pulizija kienet li f’Mejju 2016, meta kien qed jinvestiga każ ta’ frodi,
Segretarju ta’ Ministru partikolari kien talbu informazzjoni fuq dan il-każ, f’email li fiha kien ikkuppjat il-Ministru
innifsu. Din hija xi ħaġa illegali, għax il-Pulizija ma tistax tiżvela
informazzjoni partikolari fuq investigazzjoni, lanqas lill-Ministru. Żvela
wkoll li s-Supretendent Abdilla, li kien is-superjur tiegħu, qallu biex jirrispondi
ħalli ma joħloqx “inkwiet diplomatiku”. Hu baqa’ jirrifjuta u talab li
jiċċaqlaq. Illum nafu li dak il-Ministru ma kien ħadd ħlief il-Ministru Karmenu
Abela, u kien għalhekk li l-Oppożizzjoni, is-Soċjetà Ċivili, u diversi ġurnali indipendenti, talbu pubblikament għar-riżenja
tiegħu. Jekk le, ir-responsabbilità ma tkun ta’ ħadd ħlief tal-Prim Ministru.
Wara dan l-inċident Ferris
kien ġie sekondat mal-FIAU. Ikkonferma li qabel mar hu, l-FIAU kienet ġa
lestiet rapporti fuq il-Bank Pilatus u għaddiethom lill-Pulizija, liema
rapporti ma sar xejn fuqhom sal-ġurnata tal-lum. Jikkonferma li l-Avukat
Ġenerali naqas minn dmiru għax għandu l-poter li jibda investigazzjonijiet
marbuta mal-ħasil ta’ flus. Jikkonferma wkoll li l-Avukat Ġenerali talbu
informazzjoni fuq il-whistle-blower Russa, Maria Efimova, biex jipprova jgħin
lill-Gvern jiskreditaha, wara li din kixfet li kienet rat dokumenti li juru li
l-kumpanija Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru, u li kienet rat
transazzjonijiet ta’ miljuni mit-tifla tal-President Aliyev tal-Azerbaijan għal
kontijiet tal-kumpanija Egrant, flimkien ma’ transazzjonijiet oħra lejn
Michelle Buttigieg, il-partner fin-negozju ta’ Michelle Muscat.
Din hija akkuża serjissima
li turi ksur ta’ liġi gravi mill-Avukat Ġenerali innifsu.
Ferris isostni
wkoll li persuni qed isegwuh, u li talab għal protezzjoni għax qed jibża’ għal
ħajtu. U bir-raġun. Nafu li r-reġim tal-Azerbaijan mhux l-ewwel darba li ħeles
minn ġurnalisti u nies li kienu qed jaħdmu kontrieh.
Ferris bħalissa
għaddej fi proċedura fil-Qrati biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni li
sofra meta tkeċċa mill-FIAU. L-Avukat Ġenerali talab li l-każ jinstema’ wara
bibien magħluqa. Ferris qed jiġġieled dan u diġa’ ddikjara li lest jibqa’
tiela’ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, u jekk hemm bżonn quddiem il-Qorti
Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
Minħabba
raġunijiet ta’ segretezza li kien marbut bihom bħala impjega tal-FIAU, Ferris
projbiet milli joħroġ ċertu dettalji. Għalkemm huwa qal li f’dan il-każ il-liġijiet
li suppost qegħdin hemm biex kriminali ma jkunux jafu minn qabel li qed jiġu
investigati, qed jintużaw biex il-kriminali jiġu protetti.
Iżda ma waqafx
hawn. Ferris ħareġ ukoll dikjarazzjoni fejn qal li “Malta 100% korrotta,
mill-President ‘l isfel”. Huwa sfida lill-President biex jekk hija verament
gwardjann tal-Kostituzzjoni, tiftaħlu libell ħalli biex jiddefendi lilu nnifsu jitneħħewlu
l-obbligi ta’ segretezza u jkun jista’ jikxef dak kollu li jaf. S’issa
l-President ma laqgħetx din l-isfida, u qed tippreferi tkompli tilgħabha
tal-paladin tal-karità flok taqdi d-dmir li
tobbligaha bih il-Kostituzzjoni.
Għandna ħafna ta’
x’hiex nirringrazzjaw lil Jonathan Ferris, li b’sagrifiċċju u riskju personali
qed jiġġieled għall-ġustizzja u għad-drittijiet tagħna bħala ċittadini ta’
pajjiż demokratiku.
Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 3 ta' Diċembru 2017.
Comments
Post a Comment