Skip to main content

Is-Soċjalisti ma jriduhx aktar



Kollox beda minn tweet ta’ Ana Gomes, MEP Portugiża tal-Partit Soċjalista. Ana Gomes kienet l-MEP li mexxiet id-delegazzjoni ta’ MEPs li żaru Malta u kitbu r-rapport fuq l-istat tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Rapport li wassal għal diversi konklużjonijiet, l-iprem fost it-talba biex jitneħħew il-politiċi li jissemmew fil-Panama Papers, b’mod partikolari Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din hija talba li qed tiġi mill-MEPs mill-Partiti l-Kbar kollha tal-Parlament Ewropew: il-Popolari, is-Soċjalisti, il-Liberali u l-Ħodor.

Din il-ġimgħa kien Simon Busuttil li wara d-diskors tiegħu fil-Parlament, kiteb fuq Twitter li “l-unika raġuni għala Muscat ma għamilx dak li hu sewwa u neħħa lil Mizzi u Schembri hija li jekk jitilqu huma, jkollu jitlaq hu...Qed ipoġġi l-interess tiegħu qabel l-interess nazzjonali.” Ana Gomes mexxiet din it-tweet ta’ Busuttil, u żiedet magħha li hi tasal għall-istess konklużjoni. Żiedet li “grupp politiku tagħna, il-Progressivi, ma għandniex nappoġġjawh, ma għandniex nagħmlu kif għamel l-EPP fuq Orban, u jibqgħu jappoġġjawh għax hu parti mill-istess familja.” Hawnhekk kienet qed tirreferi għal Viktor Órban, Prim Ministru tal-Ungerija, li kien qed jimbutta tibdil Kostituzzjonali li jmur kontra l-prinċipji demokratiċi Ewropej, iżda li s’issa l-EPP għadu jżommu parti mill-Grupp tiegħu.

Il-ġurnal influwenti Ewropew Politico kiteb fuq din it-tweet, u t-Tlieta kiteb li “s-Soċjalisti jidher li bdew isejħu għal ras Muscat” (https://www.politico.eu/newsletter/brussels-playbook/politico-brussels-playbook-presented-by-epp-group-eu-cappuccino-index-micro-plastic-strategy-another-romanian-pm-out).

Ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Muscat kienet is-soltu reazzjoni arroganti u pastaża. F’kumment lill-ġurnalisti qal li hu “jagħti kas biss il-kummenti ta’ Prim Ministri oħra”. F’kelma waħda, qal li għalih il-Parlament Ewropew u l-MEPs ma jiswew xejn. Dan meta hu stess sa ftit snin ilu kien MEP! Dan id-diskors xejn ma niżel tajjeb mal-kumplament tal-Parlament Ewropew u mal-MEPs l-oħra.

Gomes reġgħet kitbet fi tweet oħra l-Erbgħa, illi hi ħa tibqa’ titkellem fil-kapaċità tagħa ta’ Kap tad-Delegazzjoni li ġiet Malta. U minkejja li tagħmel parti mill-Grupp Soċjalista, dan mhux ser jagħmieha milli titkellem fuq il-ħażin, anke’ jekk dan il-ħażin ikun ġej min-nies fil-familja politika tagħha stess.


Ir-reputazzjoni tagħna fi Brussels qed tkompli nieżla l-isfel. U żgur mhux tort tal-MEPs Nazzjonalisti, kif tipprova tpinġi l-propoganda tal-Gvern. It-tort hu kollu ta’ Muscat u l-klikka tiegħu.



Ftehim korrott




Sadattant, komplew joħorġu aktar stejjer fuq il-ftehim jinten tal-Vitals. Ftehim li juri li jew Muscat inkompetenti, għax ħareġ bi ftehim li xejn ma kien jaqbel lil pajjiżna imma ta l-vantaġġi kollha lill-operatur privat, jew Muscat korrott u għamel hekk għal raġunijiet korrotti.

L-editorjal tat-Times il-Ġimgħa kien ċar. Dan il-ftehim għandu jitħassar. L-affarijiet li ħbew mill-kuntratt huma wisq inkwetanti, bħal li rridu nħallsu aħna €80 miljun biex nieħdu l-isptarijiet lura għax Vitals ma rnexxielha tagħmel xejn.

Sirna nafu wkoll mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-laqgħa li huma kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia illi huma għadhom s’issa fil-għama fuq x’qed jiġri fil-bejgħ għal Steward Healthcare u fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kollha tas-saħħa.

Is-sitwazzjoni li ġab is-settur tas-saħħa fiha dan il-Gvern suppost Soċjalista hija tal-biki. Għal snin twal kienu jikkritikaw kull privatizzazzjoni li ssir, għax kienu jgħidu li dak li nbiegħ seta’ nbiegħ bi prezz ogħla. Issa minflok jipprivatizzaw u ndaħħlu l-flus, qed jipprivatizzaw u min suppost ‘jinvesti’ nispiċċaw inħallsuh flok iħallasna.

Jew inkompetenza, jew korruzzjoni maħduma. M’hemmx raġunijiet oħra.


Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 21 ta' Jannar 2018.

Comments