Skip to main content

Saħħa 2017, Merħba 2018


Illum hija l-aħħar ġurnata għas-sena 2017, u allura għar-rubrika tal-lum iddeċidejt li nħares ftit lejn l-istejjer ewlenin li seħħew tul l-2017. Għaldaqstant ħarist ftit lejn is-siti elettroniċi ewlenin bħal timesofmalta.com, independent.com.mt, netnews.com.mt u lovinmalta.com, biex nara liem kienu l-istejjer li dawn elenkaw bħala dawk li mmarkaw l-2017.

Bla dubju ta’ xejn l-iktar storja li ħa tibqa’ marbuta mas-sena 2017 kienet il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien l-ewwel qtil politiku fejn il-vittma kienet dik premeditata li tinqatel, u fejn il-vittma inqatlet biss minħabba dak li kitbet jew setgħet kienet ser tikteb. Kienet ġurnalista ta’ kuraġġ kbir u li ma beżgħetx tikxef l-ikbar skandli ta’ korruzzjoni li fihom kien hemm imdaħħlin politiċi u nies fil-poter, u l-pajjiż illum mingħajrha huwa ħafna inqas sikur milli kien.

Infatti ħafna skandli kbar oħra tal-2017 kienu proprju ġejjin mill-pinna tagħha: l-istorja tal-burdell ta’ Acapulco, konfermata mill-crew tan-Net, u l-mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tagħha, il-ħadma wara l-ftehim jinten tal-Vitals biex jagħmlu biċċa profitt minn fuq l-isptarijiet ta’ pajjiżna, u dawk marbuta mal-Bank Pilatus, it-tneħħija tad-dokumenti mill-Bank bil-lejl, l-FIAU, il-whistleblower Russa u d-dokumenti dwar ill-kumpanija Egrant, stejjer li waslu biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali proprju f’din is-sena.

Elezzjoni ġenerali li reġgħet tat rebħa kbira oħra lil Partit Laburista, li waslet għar-riżenja ta’ Simon Busuttil mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Riżultat li mbagħad ra lil Partit Nazzjonalista jibda proċess sħiħ ta’ trasformazzjoni: l-elezzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap ġdid tiegħu u tal-kumplament tat-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit. Sena li tefgħet fuqi wkoll l-inkarigu u r-responsabbilità l-ġdida ta’ President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Kienet is-sena tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, Presidenza li tefgħet id-dawl tad-dinja fuq Malta, fejn iżda flimkien mat-tajjeb deher ukoll il-ħażin: l-istejjer tal-ħasil tal-flus u l-iskandli kollha marbuta mal-Prim Minstru u l-Ministri tiegħu, li imbagħad waslu għal voti importanti fil-Parlament Ewropew, vot li kkundanna n-nuqqas tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna u vot li bi żbrixx ma ttimbrax lil Malta bħala tax haven, grazzi għall-interventi tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

Kienet is-sena tad-dħul taż-żwieġ bejn nies tal-istess sess, dritt ċivili li daħal bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra. Kienet ukoll is-sena li rat il-waqgħa tat-Tieqa tad-Dwejra, tieqa marbuta ma’ qalb kull Malti u Għawdxi.

Kienet ukoll is-sena li rat il-bidu tal-Presidenza kontroversjali ta’ Donald Trump, il-bidu tal-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-waqgħa tad-dittatur Robert Mugabe mit-tmexxija taz-Zimbabwe, u r-rebħa ta’ Merkel għar-raba’ terminu ta’ tmexxija fil-Ġermanja.

Kienet ukoll is-sena fejn il-ħabib tagħna Salvu Felice Pace waqaf jieħu ħsieb din ir-rubrika, u għadda l-inkarigu lili. Fi tmiem din is-sena, insellimlu u flimkien magħkom nawguralu għas-sena l-ġdida.

Fl-2018 ser inkun qed inkompli naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom, ħsibijiet dwar dak kollu li nkun qed niltaqa’ miegħu fid-dinja diġitali, li illum saret parti aktar integrali mid-dinja fiżika tagħna. Żgur li ser tkun sena interessanti, sena li ser iġġib fuqna sfidi ġodda, sfidi kbar, imma li b’impenn u b’determinazzjoni ser inkunu qed niffaċċjawhom u negħlbuhom ilkoll flimkien.


Nawgura lilkom il-qarrejja tagħna u l-familji tagħkom hena, paċi u risq matul is-sena l-ġdida.

Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017.

Popular posts from this blog

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Il-ħarba tac-Chief-of-Staff

Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti. Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kummen…