Skip to main content

Azzjoni Industrijali f’isem il-pazjenti



Nhar it-Tlieta li għadda seħħ l-ewwel strajk tat-tobba fl-aħħar għaxar snin. Azzjonijiet industrijali min-naħa tat-tobba mhumiex xi ħaġa frekwenti, u jsiru biss f’okkażjonijiet ta’ natura gravi jew meta jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt.

L-azzjoni industrijali ta’ din il-ġimgħa kienet iktar partikolari minn tas-soltu għax għall-ewwel darba, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija ma sejħitx strajk għax qed titlob kundizzjonijiet aħjar, jew għax qed jitolbu żidiet fil-pagi. Għall-ewwel darba, l-azzjoni industrijali qed tittieħed biex tiddefendi l-interessi tal-pazjenti. L-interessi tagħna, tiegħi u tiegħek.

Kif spjega tant tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, it-tabib Martin Balzan, in-nuqqas ta’ ftehim li hemm mal-Gvern mhuwiex dwar il-fatt li jkun hemm ftehim mal-privat biex isir investiment fl-infrastruttura u fil-binjiet tas-saħħa. Pero’ ma jistgħux jifhmu kif l-immaniġġjar u l-operat tas-servizz ser jgħaddi wkoll għand il-privat, li l-interess tiegħu huwa biss li jagħmel il-profitt.

Għalkemm is-servizz jibqa’ b’xejn, l-inkwiet tat-tobba huwa li meta s-servizz jitqies bħala negozju, bħala business, jingħata iktar importanza lis-setturi li jħallu profitt, milli setturi li joperaw b’telf, bħas-servizzi għal mard rari.

Skont artiklu li deher fuq is-sit lovinmalta.com, Balzan żvela li l-Ministru Fearne, fil-prinċipju jaqbel mat-tobba! Pero’ qallhom li ma jista’ jagħmel xejn fuq il-ftehim li laħaq sar ma’ Vitals, għax ikun wisq għali u kumplikat għal Gvern biex jirtira minnu.

Iżda, jgħid Balzan, il-ftehim baqagħlu 28 sena, jekk mhux 97 sena, oħra biex jintemm, u allura mhux aktar xieraq li jekk hemm xi ħaġa ħażina, titwaqqaf issa, milli titħalla tikber u jbatu minnha l-pazjent għal dawn is-snin kollha li ġejjin?

Iżda l-Ministru Fearne jippreferi li l-kumplikazzjonijiet jerfgħuhom il-pazjenti, milli jerfagħhom hu u l-Gvern li jagħmel parti minnu.

Apparti minn hekk, it-tobba inkwetati li l-Gvern ma żammx mal-ftehim kollettiv, li jobbligah jikkonsulta magħhom qabel jagħmel xi tip ta’ trasferiment tal-isptarijiet mill-inqas sitt ġimgħat qabel. Dan qed joħloq preċedent li jekk il-Gvern jiddeċiedi jittrasferixxi xi sptarijiet jew kliniċi oħra, hemm il-biża’ li jerġa’ ma jonorahx.

Ovvjament il-pappagalli ta’ Muscat, ewlieni fosthom id-Deputat u Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mal-ewwel pruvaw jinċitaw lin-nies kontra t-tobba, u fuq is-sit soċjali facebook xerrdu ritratt li ħadu t-tobba u l-istaff li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza, jgħajjruhom għax qed jitbissmu waqt l-istrajk. Li ma qalx huwa li dawn kienu nies li kienu qed jaħdmu iktar mis-soltu biex jippermettu lil sħabhom jistrajkjaw waqt li l-pazjenti ma jbatux.

Imma din qed tkun l-istrateġija tal-Gvern kulmeta jkun hemm azzjoni industrijali. Saħħan lin-nies kontra min jipprotesta, kontra min jistrajkja. Għamluha mal-għalliema, għamluha mal-lecturers tal-MCAST, u jibqgħu jagħmluha. Għax dan mhux Gvern li jemmen fid-djalogu u fid-demokrazija, imma Gvern li jemmen fil-biża’ u fil-poter. Gvern totalitarju.

Il-ftehim jinten li sar mal-Vitals qed iħammar wiċċ il-Gvern, għax qed taqagħlu l-maskla u qed jinkixef li dan kien ftehim intiż biss biex ftit nies jagħmlu l-miljuni minn fuq is-saħħa tagħna. U għalhekk ser inkomplu ngħassu biex toħroġ il-verità kollha.




Aħbar oħra li ġibditli l-attenzjoni din il-ġimgħa kienet aħbar li ħarġet fuq is-sit newsbook.com.mt. Dan is-sit żvela kif grupp tal-Partit Laburista fuq facebook, jikkonfoffa biex jikkordina attakki kontra s-sit Newsbook, kontra l-Knisja u kontra l-Arċisqof, kull meta dawn jgħidu xi ħaġa jew joħorġu xi aħbar li ma tkunx timxi man-narrattiva tal-Gvern. L-Arċisqof kellu kliem iebes għal dan u qal li “din hija tattika ta’ intimidazzjoni, din hija t-tattika li l-Mafja tużaha kontra l-għedewwa tagħha. Allura min irid jifhem jifimni”.

Fl-istess żmien, f’dan l-istess grupp, nies li jaħdmu fil-Ministeri u li huma midħla sewwa taċ-ċrieki tal-Gvern, kienu qed joffru lil-Laburisti biex jekk jafu lil xi ħadd li tmexxielu l-appuntament minħabba l-istrajk tat-tobba, ikellimhom, ħalli jkunu jistgħu iqabbżuh fuq ħaddieħor u jagħmlulu appuntament qabel. Offrew ukoll biex jekk jafu lil xi ħadd interessat għal xogħolijiet partikolari mal-Awtorità tal-Ippjanar, jew xogħolijiet oħra mal-Gvern, ikellimhom.

Ovvjament għax dan Gvern li jemmen fil-meritokrazija, fit-trasparenza, u fil-kontabbilità. Ħalluna. Il-maskla qed taqa’, u l-poplu ma jdumx ma jinduna li wara l-faċċata ta’ propoganda sabiħa, hemm organizzazzjoni li hija iktar kriminali milli politika.



Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 11 ta' Frar 2018.


Popular posts from this blog

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Il-ħarba tac-Chief-of-Staff

Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti. Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kummen…