Skip to main content

Gidba ġġib 'il-oħra



Il-problema ta’ min jigdeb hi li ħafna drabi, biex tgħatti gidba jkollok tgħid gidba oħra. U iżjed ma tigdeb, iżjed trid tigdeb biex tgħattih. Sa ma x’imkien, gidba ma tibqax konsistenti mal-gideb l-oħra u l-giddieb jinqabad. Dan missirijietna minn dejjem għarfuh, u fl-għerf tagħhom ħallewlna qwiel bħal “il-giddieb għomru qasir”, u “iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma”.

Dan hu dak li qed jiġrilu dan il-Gvern. Gidba wara l-oħra qed tinkixef u l-maskla qed tkompli taqa’. Ejja ħa nħarsu biss lejn uħud mill-gideb li nkixfu f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat.

Il-Ġimgħa l-oħra, fid-dibattitu tal-Kumitati LIBE u PANA fil-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tad-Delegazzjoni ta’ MEPs dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, il-Ministru Owen Bonnici prova jiddefendi dak li qed jagħmel il-Gvern tiegħu billi qal li anke’ l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jaqbel miegħu li f’Malta qed tirrenja s-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet qed jaħdmu. Dan ġie miċħud minnufih minn Adrian Delia, li kien ilu xhur jgħid li Malta mhix tiffunzjona bħal pajjiż normali, li għandha Gvern korrott, u li l-istituzzjonijiet mhux jagħmlu xogħolhom. Tant hu hekk li ftit ġranet wara l-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia, kien preżenta fil-Parlament mozzjoni b’numru kbir ta’ proposti biex jissaħħu l-istituzzjonijiet. Uħud minnhom proposti li setgħu jitwettqu mill-ewwel, uħud proposti li setgħu jitwettqu fi żmien sitt xhur, u proposti oħra ta’ tibdil Kostituzzjonali li setgħu jitwettqu bi pjan fuq medda ta’ sentejn. Il-Gvern s’issa injorahom għal kollox, anzi mar jigdeb quddiem l-MEPs li Adrian Delia jaqbel magħhom li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu sew.

Din mhux l-ewwel darba li Joseph Muscat jew membru tal-Gvern tiegħu gidbu quddiem l-MEPs. Joseph Muscat kien qal quddiem l-MEPs li l-FIAU f’Malta taħdem sew, u l-Gvern tiegħu tant ħa r-rapporti tagħha bis-serjetà li mill-ewwel ordna numru ta’ inkjesti. Qallhom ukoll li tant ittieħdu bis-serjetà l-allegazzjonijiet tal-Panama Papers li hemm ukoll infetħu investigazzjonijiet. U qallhom li l-Gvern tiegħu tant irid jiġġieled il-korruzzjoni li daħħal il-Whistleblower Act.

Imma x’ġara bil-fatti? Fl-istess nifs li kien qed jgħid kemm taħdem l-FIAU, kienu qed ikeċċu lill-aħjar investigaturi li kellha. Fl-istess nifs li kien qed jgħid kemm ħadu r-rapporti bis-serjetà, il-Ministru Scicluna kien qed jitfa’ d-dubji fuqhom u jgħid li dawn inkitbu minn xi ħadd bl-iskop li jiġu leaked. U fl-istess nifs li kien qed jgħid li l-Panama Papers qed jiġu investigati, hu flimkien ma’ Mizzi, Schembri, Hillman, Tonna u Cini għadhom qed jiġġieldu fil-Qorti biex lanqas biss jiġu investigati r-rapporti li ħarġu dwar il-Panama Papers. U waqt li jgħid lill-MEPs li hemm inkjesti għaddejjin, ilkoll nafu li l-inkjesti li hemm la nfetħu mill-Gvern u lanqas huma inizjattivi tal-Pulizija, imma ġew sfurzati minn Simon Busuttil wara li ħa provi li wasslu għandu quddiem il-Maġistrati.

Muscat inqabad jigdeb anke’ fuq l-Università “Amerikana”. Qalilna li ħa ġġib 4,000 student. Qalilna li ħa tkun istituzzjoni edukattiva ta’ livell għoli. Imma illum nafu li ġabet biss 15-il student, u din l-Università tal-kuntratturi m’għandha l-ebda reputazzjoni jew kredenzjali mad-dinja.

Inqabad jigdeb anke’ fuq il-ftehim tal-isptarijiet. Ftehim maħsub biex ifalli, fejn mar minn taħt il-poplu. Inbiegħ l-apparat kollu għal Ewro wieħed. Il-Vitals ma nvestew xejn milli kellhom jinvestu, iżda tħallsu li kellhom jitħallsu. Tħallew ibiegħu l-ftehim lil ħaddieħor. Il-ftehim li qalulna kien jorbot għal 30 sena issa nafu li jista’ jittawwal għal 99 sena. U issa nafu wkoll li l-isptarijiet tagħna jinsabu jagħmlu ta’ garanzija ma’ Bank għas-self li ħadu dawn il-Vitals, l-istess Vitals li minn mandat ta’ inibizzjoni li għamillhom wieħed mill-investituri tagħhom stess fil-Qrati fuq dan il-ftehim, jidher li pruvaw iqarrqu anke’ bl-investituri tagħhom. Aħseb u ara kemm ħa jaħsbuha jqarrqu bil-poplu Malti u Għawdxi.

Gideb fuq il-mewt ta’ tifla, li kienet taħt il-ħarsien tal-Aġenziji tal-Gvern, u li bla mistħija prova jitfa’ l-ħtija fuq is-Sorijiet Dumnikani ta’ Ħaż-Żabbar. Jigdeb anke’ fuq mewt ta’ tifla.

Muscat gideb ukoll lill-ħaddiema, ibda mill-għalliema. Wegħedhom żidiet kbar, “ftehim bla preċedent”, u meta ħarġu l-fatti spiċċa dawwar l-għalliema kontra l-Union u l-Union kontra l-għalliema. Ifred u saltan.

Għamel l-istess mal-għalliema tal-MCAST. Ftehim kollettiv li ilu skadut mill-2016, u li naqas li jerġa’ jinnegozja sa ma poġġa lill-għalliema daharhom mal-ħajt li wassalhom għal azzjonijiet industrijali. U minn fuq, anke’ hemm, spiċċaw batew l-istudenti, u irnexxielu wkoll idawwar l-istudenti kontra l-għalliema. L-istess. Ifred u saltan.

U gideb ukoll lis-social workers u l-ispiżjara, li bħalissa wkoll għaddejjin bl-azzjonijiet. Anke’ hawn, il-ħaddiema mhux stmati. Għax l-ewwel il-but, l-ewwel il-poter, l-ewwel fejn ħa ndawru lira u naħbu l-kontijiet, u mhux id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-professjonisti tagħna.

Imma bil-mod il-mod il-maskla ta’ gideb qed taqa’. Għax kemm ħa ddum tigdeb, u tipprova tgħatti l-gideb b’gideb ieħor? Kif kien qal Muscat, “xi darba jkollok tgħid il-verità.





Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon tal-Erbgħa 31 ta' Jannar 2018.

Popular posts from this blog

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Il-ħarba tac-Chief-of-Staff

Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti. Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kummen…