Skip to main content

Żewġ ġurnalisti, żewġ pajjiżi



Il-Ħadd li għadda kien imiss lis-Slovakkja li tqum maħsuda bl-ewwel qtil ta’ ġurnalist f’dan il-pajjiż, u għall-Ewropa biex tara ftit kif f’dan il-kontinent li welled id-demokrazija u l-libertà inqatlu żewġ ġurnalisti f’temp ta’ ftit xhur. Daphne Caruana Galizia, li inqatlet b’karozza bomba f’Malta, u Jan Kuciak, li inqatel b’tiri ġewwa daru flimkien mal-għarusa tiegħu Martina Kusnirova.

Il-pajjiżi huma differenti, imma ċ-ċirkustanzi huma simili. Kuciak kien ukoll ġurnalist investigattiv li kien qed jikteb ħafna fuq rabtiet ta’ politiċi f’pajjiżu mal-kriminalità organizzata, partikolarment mal-Mafja u ‘Ndrangheta. Fost l-oħrajn kien qed jallega li membri ta’ din l-organizzazzjoni mafjuża kienu qrib ħafna ta’ membri tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Slovakk Robert Fico, fosthom il-mudella Maria Troskova li kienet Chief State Adviser, u Viliam Jasan, is-segretarju tal-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurtà tas-Slovakkja.

Skont dan il-ġurnalist, permezz ta’ dawn ir-rabtiet u negozji li ‘Ndrangheta waqfet fil-Lvant tas-Slovakkja, ħafna fondi tal-Unjoni Ewropea li kienu intiżi biex jgħinu lil dan ir-reġjun fqir kienu qed jiġu misapproprijati.

L-istess bħal f’Malta, il-Prim Ministru Slovakk offra premju ta’ miljun ewro għal min jagħti informazzjoni li twassal biex jinqabdu dawk li qatlu lil Kuciak. Iżda s-similarità ma’ Malta tieqaf hawn.

Għax fis-Slovakkja, immedjatament wara dan il-qtil, irriżenja l-Ministru tal-Kultura Marek Madaric, għax qal li “fid-dawl ta’ dan il-qtil li seħħ fiż-żmien li jien responsabbli mill-kultura, ma nħossx li għandi għażla ohra.” Il-Ministru tal-Kultura, li Kuciak qatt ma semma fl-ebda allegazzjoni tiegħu, irriżenja għas-sempliċi fatt li hu responsabbli mill-media u l-ġurnaliżmu fiż-żmien li seħħ dan il-qtil. Kumbinazzjoni, ġimagħtejn ilu irriżenja wkoll l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Olanda Halbe Zijlstra għax ammetta li gideb fuq laqgħa li qal kellu ma’ Putin fl-2006.

Irriżenjaw ukoll Troskova u Jasan mill-istaff tal-Prim Ministru sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet, għax għalkemm Kuciak qatt ma semma li dawn użaw il-pożizzjoni tagħhom biex jagħmlu xi ħaġa ħażina, ma riedux jagħtu l-impressjoni li b’xi mod jistgħu jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jindaħlu fl-investigazzjonijiet.

Iżda x’ġara f’Malta? Kellna riżenja waħda wara l-qtil ta’ Caruana Galizia? Intrefgħet responsabbilità politika minn xi ħadd? Nies li jistgħu jagħtu l-impressjoni li l-pożizzjoni tagħhom tista’ tinfluwenza l-investigazzjoni, bħal Konrad Mizzi, Keith Schembri, Joseph Muscat, Lawrence Cutajar, Silvio Valletta, warrbu mill-pożizzjoni tagħhom jew mill-investigazzjoni sakemm din titlesta?

Le. Għax vera, m’għadniex pajjiż normali. Anke’ l-Islovakkja jidher li għandhom standards ta’ tmexxija u trasparenza aktar għoljin minn tagħna.

L-Islovakkja qed tifhem li dawn id-delitti jseħħu f’kuntest politiku, huma frott ta’ korruzzjoni politika u li allura għandha tintrefa’ responsabbilità politika tagħhom. Avolja l-investigazzjonijiet diġa’ waslu għall-arresti ta’ membri ta’ żewġ familji Mafjużi Taljani.


Jidher li f’Malta din għadna ma fhimnihiex.



Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 5 ta' Marzu 2018.

Popular posts from this blog

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…

Il-ħarba tac-Chief-of-Staff

Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti. Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kummen…

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…