Nhar it-Tlieta li għaddew, Joseph Muscat tella’ video fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook. Video minn sensiela ta’ videos
ta’ propoganda, imħallsa mit-taxxi tagħna, li dan il-Gvern iħobb jagħmel b’mod
regolari u jxerred biex ipinġi stampa sabiħa anke fejn mihix.
Dan il-video
partikolari, li jinsab f’dan il-link, jiftaħar b’kemm dan il-Gvern qed iħares
l-ambjent. U saħansitra jipprova jieħu mertu li grazzi għalih, l-Awtorità tal-Ippjanar waqfet l-iżvilupp f’Wied Għomor.
Anzi dan hu l-ewwel suċċess li f’dan il-video jiftaħar bih fl-ewwel ftit
sekondi.
Hawn diġa’ nara
problema. L-ewwelnett, ilkoll nafu li dawn l-awtoritajiet ‘suppost’
indipendenti u ma jimxux skont kif jgħidulhom il-politiċi. It-tieni, nafu li
l-pressjoni biex jitwaqqaf l-iżvilupp f’Wied Għomor ma ġietx mill-Gvern, li
lanqas biss tkellem fuq din il-kwistjoni, anzi f’ċertu każi iġġustifika, imma
ġiet min-numru ta’ NGOs ambjentali u mit-tliet Kunsilli tal-madwar: tas-Swieqi,
San Ġiljan u San Ġwann, li qabdu l-konsulenti tagħhom, semmgħu leħinhom
fis-smiegħ quddiem l-Awtorità, għamlu stqarrijiet u konferenzi stampa, u kienu l-vera vuċi
tar-residenti. It-tielet, jekk hemm azzjoni tal-Gvern li taffetwa x’tiddeċiedi
l-Awtorità huma l-policies li l-Gvern
jilleġisla fuqhom. U lkoll nafu li l-iSPED li ħareġ dan il-Gvern, hu maħsub
biex iħalli ħafna lok ta’ interpretazzjoni meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet
ta’ pjanar. Fi kliem ħafna esperti, il-Gvern fetaħ il-bieb għal aktar żvilupp anke
f’zoni barra mill-iżvilupp, u mhux għalqu.
Imma l-livell ta’ qerq ta’ Joseph Muscat hu iktar gravi minn hekk. Għax
mhux talli prova jqarraq billi jieħu mertu ta’ xi ħaġa li ma kellu l-ebda sehem
fiha, imma talli l-għada li ħareġ dan il-video, proprju nhar l-Erbgħa, l-Awtorità dawret din id-deċiżjoni!
U hu kellu sehem importanti biex din id-deċiżjoni ddur! Għax proprju l-Erbgħa,
inbidlu tnejn mit-tliet membri fil-Bord li kien qed jisma’ dan il-każ, u dawn
iż-żewġ membri li nbidlu ivvutaw favur dan il-proġett. Kien biss il-membru li
ma nbidilx u li kien ukoll preżenti fl-ewwel smiegħ li vvota kontra.
Mela mhux talli prova jieħu mertu ta’ xi ħaġa tajba li ma kellu l-ebda
sehem fiha, talli s-sehem li ta kien biex din id-deċiżjoni tajba tinbidel u dan
l-iżvilupp jibqa’ għaddej. Imma x’wiċċ irid ikollok? Kif jirnexxielek ma
tistħix?
L-Avventura ta' NASdaily f'Malta
Din il-ġimgħa hawn Malta Nusier Yassin, il-vidjografu u produttur wara
l-paġna magħrufa Nas Daily (https://www.facebook.com/nasdaily).
Paġna fuq facebook fejn Nusier
jipproduċi video ta’ minuta kuljum fejn juri nies, esperjenzi u pajjiżi
differenti, u li bħalissa għanda 5.7 miljun ruħ isegwuha.
Nusier jgħid li hu Israelit u Palestinjan li għex fl-Istati Uniti, u
l-videos tiegħu għandhom ħafna messaġġi pożittivi ta’ tolleranza u inklużjoni.
Sa ma qed nikteb dan l-artiklu diġa’ tella’ tliet videos, wieħed dwar Malta
inġenerali, ieħor dwar il-lingwa tagħna, u ieħor dwar esperjenza li għadda
minnha f’Malta waqt li kien qed jinqeda f’ħanut ta’ kumpanija tat-telefonija
ċellulari. Waqt li kien f’dan il-ħanut, ġie insulentat minn Libjan fis-sakra,
li f’ħin minnhom anke prova jaħbat għalih.
Li hu interessanti hu li fil-video li għamel dwar din l-esperjenza ħareġ
messaġġ pożittiv ħafna: li m’għandniex inħallu persuna waħda ittebba’ grupp
sħiħ ta’ nies. Għalkemm ir-reazzjoni inizjali tiegħu kienet ta’ biża’
mill-immigranti, ftakar li hu wkoll kien immigrant, u li hawn ħafna immigranti
li jġibu ruħhom tajjeb, jaħdmu, jgħixu ħajjithom, u jagħtu kontribut. Qatt
m’għandna nħallu l-imġieba ta’ persuna wieħed twassalna biex niġġeneralizzaw u
npoġġu lil kulħadd fl-istess keffa.
Nusier ġie wkoll intervistat waqt il-programm Net Live minn Lisa Spiteri u
Darren Carabott, liema intervista tinsab ukoll online hawnhekk.
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Mument tal-Ħadd 08 ta' April 2018
Comments
Post a Comment