Skip to main content

Ir-responsabbilità tal-kariga li nies bħal Jason Micallef għadhom ma fehmux

Photo from: http://www.independent.com.mt/articles/2018-04-26/local-news/Jason-Micallef-situation-reflects-a-bigger-democratic-problem-V18-selection-committee-members-6736188817




Kultant f’dan il-pajjiż għandna t-tendenza li naqbdu kunċett, u nestenduh daqs li kieku japplika bl-istess mod għal kulħadd u f’kull każ. Ejja nieħdu per eżempju l-prinċipju sagrosant tal-libertà tal-espressjoni. F’daqqa waħda sirna nużaw l-iskuża tal-“libertà tal-espressjoni” dejjem u kullimkien, u b’mod li ma jagħmilx sens.

Din il-ġimgħa kemm online u kemm fuq diversi siti soċjali qamet kontroversja dwar il-kummenti li għamel Jason Micallef, Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, dakinhar ta’ San Patrizju (17 ta’ Marzu). Dakinhar, Jason Micallef kien tella’ ritratt ta’ nies jixorbu f’Paceville, bil-kumment: “The situation is desperate. There is happy people every where you look.” Din kienet parodija tal-aħħar kelmiet fil-blog tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet maqtula brutalment fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Ħafna ħassewhom imweġġa’ bi kliem Jason Micallef, u bil-mod kif irredikola ġurnalista assassinata. Pero’ l-prinċipju ċentrali ta’ din il-kwistjoni mhuwiex jekk xi ħadd ħassux imweġġa’ jew le. Ħafna xogħlijiet artisti jweġġgħu n-nies, u l-libertà tal-espressjoni hija appuntu l-libertà li tista’ tweġġa’ (bil-kliem u mhux b’mod fiżiku).

L-argument ċentrali għala ħafna ħassew li dan mhuwiex aġir denju tac-Chairman tal-V18 huwa għaliex dan il-kliem juri li hu jmur kontra l-valuri essenzjali Ewropej. Kif jista’, Chairman tal-Fondazzjoni ta’ Belt Kapitali Ewropea, jirredikola attakk li sar fuq ġurnalista, attakk li sar fuq id-dritt tagħna tal-informazzjoni, attakk li sar fuq il-libertà tal-espressjoni innifisha. Huwa dan li jagħmel dak il-lingwaġġ ħażin.

U allura mhux ta’ b’xejn li grupp ta’ kittieba internazzjonali, fosthom Salman Rushdie, Yann Martell, Ian McEwan u oħrajn, kittieba li jafu bil-fatti xi tfisser libertà tal-espressjoni għax batew minħabba kitbiethom, talbu lill-Kummissjoni Ewropea titlob għar-riżenja ta’ Micallef. Ma’ dawn żdiedu 72 Membru Parlamentari Ewropew. Din il-ġimgħa, ingħaqdet magħhom ittra ta’ aktar minn 100 artist Malti li talbu għar-riżenja tiegħu, u magħhom 24 artist ieħor li beżgħu juru isimhom. Għax fl-aqwa żmien, ma tistax tikritika lill-Gvern għax taqlagħha.

Agħar minn hekk, Ulrich Fuchs, il-bniedem li mexxa l-Kumitat li għażel lill-Belt Valletta bħala Belt Kapitali Ewropea 2018, ukoll ħabbar li ser jibbojkottja l-attivitajiet kollha tal-V18 “sakemm in-nies li jirrapreżentaw il-proġett ikomplu jeqirdu l-valuri Ewropej”. Miegħu żdiedet il-belt olandiża ta’ Leeuwarden-Fryslân, li qed taqsam it-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea 2018 mal-Belt Valletta, li ħabbret li mhux ser tistieden il-Belt għall-attivitajiet tagħha u mhux ser tattendi dawk ta’ Malta.

Biex tgħaxxaq, din il-ġimgħa, id-Direttur Artistiku ta’ V18 Mario Philip Azzopardi, parti integrali mill-klikka ta’ Kastilja, ingħaqad ma’ marmalja fuq il-midja soċjali li nfexxew jgħajjru, jidderogaw, u jxerrdu ritratti ta’ persuni li f’Londra protestaw mal-Prim Ministru Joseph Muscat għax reġa’ mar ibiegħ il-passaporti. Sal-punt li għajjar lil waħda minnhom “qaħba”. Għax esprimiet ruħha. Għax kellha l-ardir tipprotesta kontra dak li qed jagħmel l-Imperatur.

U x’għamlu l-politiċi li lejhom huma kontabbli dawn it-tnejn min-nies, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, il-Ministru Owen Bonniċi u l-Prim Ministru Joseph Muscat? Kollha skużawhom bl-iskuża tal-“libertà tal-espressjoni”.

Imma huwa proprju hawn fejn dawn mhumiex jifhmu li dawn in-nies, magħhom iġorru kariga. Magħhom iġorru titlu. Magħhom jirrapreżentaw Belt u proġett. U allura, Jason Micallef u Mario Philip Azzopardi, għandhom kull dritt li bi kliemhom juruna kemm huma sessisti, kemm huma vulgari, kemm huma ridikoli u kemm huma injuranti. Imma mhux waqt li magħhom qed iġorru t-titlu tal-Belt Kapitali tagħna bħalha Belt Ewropea!

It-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea kellha tkun okkażjoni li tgħaqqadna, okkażjoni li tagħmlilna unur u tagħmilna kburin, u mhux okkażjoni li ġġagħlna nistħu mal-Ewropa kollha. Mhux okkażjoni fejn niġu mżebilħa u bbojkotjati.

Jekk jogħġobhom, Azzopardi u Micallef, għandhom jagħmlu pjaċir lil pajjiżna, lil Belt Valletta, u lill-komunità artistika Maltija, u jwarrbu biex ma tkomplix issir ħsara. Dejjem jekk iħobbu lil pajjiżna. Dejjem jekk għalihom, Malta l-ewwel u qabel kollox.



Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 29 ta' April 2018

Popular posts from this blog

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Daphne wasn't murdered yesterday

English translation of this original blogpost in Maltese.
Daphne wasn't murdered yesterday.
Daphne was murdered when she exposed drug traffickers, with photographs and evidence, and instead of being arrested they found a government ready to cover up for them. Because their daddy was into the Party's circle. Because he was a friend of the Minister.
Daphne was murdered when she exposed corruption in the higher echelons of the Police Force, when she exposed inspectors and police officers involved in criminal circles, and rather than seeing action being taken we saw a government rewarding them with promotions. And re-instating those who had been expelled in the preceding years.
Daphne was murdered when she exposed cases of money-laundering on an international level, involving high-profile politicians from dictatorial regimes, and our Police Commissioner, Attorney General and politicians, failed to take action. Rather, they sought to ensure these crimes were covered up and the evidence…

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…