Skip to main content

The Daphne Project




Ħasbu li għax isikktu lilha, ser joqtlu l-istejjer tagħha. Ħasbu li għax ser joqtlu lilha, ser joqtlu l-messaġġ. Iżda l-istejjer ma mietux, anzi jekk qabel kienu biss ta’ Daphne, issa saru ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni ta’ reputazzjoni internazzjonali minn pajjiżi differenti, fosthom La Repubblica, The Guardian, France 2, Le Monde, Süddeutsche Zeitung, The New York Times, Reuters u The Times of Malta.

Dak hu The Daphne Project, organizzat minn Forbidden Stories, għaqda ta’ ġurnalisti madwar id-dinja li jkomplu jinvestigaw l-istejjer ta’ ġurnalisti li jinqatlu. Stejjer tant kbar li jkun hemm min lest joqtol biex iwaqqafhom.

Ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet, li issa ilhom għaddejjin ħames xhur, bdew ħerġin proprju din il-ġimgħa. F’Malta dawn qed jiġu rappurtati minn Times of Malta, li huma partners f’dan il-proġett. U diġa’ ġie żvelat ħafna. Ħafna iktar milli sab, jew qal li sab, il-Korp tal-Pulizija mmexxi minn Lawrence Cutajar.

It-Tlieta sirna nafu li l-Ministru Chris Cardona, dak li hedded li ser “nagħtu bil-mannara”, iltaqa’ ma’ dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne, ras imb’ras, ġewwa bar fis-Siġġiewi fi żmien f’Novembru bejn meta seħħ il-qtil u meta sar l-arrest. U li f’mumenti minnhom ħareġ jitkellem waħdu ma’ wieħed minnhom barra l-bar. Dan ġie kkonfermat minn żewġ xhieda separati li tkellmu mal-ġurnalisti. Dwar dan ġie infurmat il-Maġistrat. Minkejja dan, u minkejja li l-politiċi huma l-aktar nies li waqgħu taħt suspett għax huma l-iżjed nies li Daphne Caruana Galizia investigat u kitbet fuqhom, il-Pulizija qalu li għadhom s’issa ma nvestigaw jew interrogaw lill-ebda politiku.

Sirna nafu wkoll li l-Pulizija konvinti li l-arrestati kienu infurmati minn qabel bl-arrest, u kien għalhekk li kienu fost l-oħrajn tefgħu l-mobiles il-baħar.

Sirna nafu wkoll li s-Servizzi Sigrieti kienu qed jissemmgħu t-telefonati fuq il-mobile ta’ wieħed mill-akkużati minn qabel ma sar il-qtil.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel diversi mistoqsijiet, fosthom:

  • Għalfejn il-Pulizija għadhom ma nvestigawx lil dawk li kienu għamlu kuntatt mal-akkużati, inkluż politiċi bħal Chris Cardona? Meta kien infurmat il-Prim Ministru b’din il-laqgħa, u x’pożizzjoni ħa?

  • Min kien informa lill-akkużati bl-arrest? Xi ħadd fil-poter? Xi ħadd fil-Korp? Xi ħadd fis-Servizzi Sigrieti? X’investigazzjoni qed issir fuq dan?
 
  • X’wassal biex is-Servizzi Sigrieti ma ndunawx b’dak li kien qed jiġi ppjanat? Frott inkompetenza? Jew agħar minn hekk, indunaw u ħallewh isir?


Il-poplu Malti mhux biss għandu dritt jagħmel dawn il-mistoqsijiet, iżda għandu dritt li dawn jiġu mwieġba mingħajr ma jitħallew ebda dubji, għax dawn iħallu implikazzjonijiet serji ħafna fuq is-sigurtà tagħna.

L-Erbgħa mbagħad sirna nafu xi ħaġa oħra. Daphne Caruana Galizia kienet ilha żmien issemmi kumpanija inkorporata fid-Dubai bl-isem ta’ “17 Black”. Rapport li ġie leaked mill-FIAU kien jagħmel referenza li din il-kumpanija intużat biex jingħaddew commissions lil politiċi Maltin. Issa ġew ippubblikati l-ewwel provi u dettalji ta’ transazzjonijiet finanzjarji li għaddew f’din il-kumpanija. Din il-kumpanija daħħlet $1.6 miljun dollaru: $1.4 miljun ġew minn kumpanija ta’ persuna mill-Azerbaijan, $200,000 ġew mill-Orion Engineering, li huma l-aġenti tal-kumpanija tat-tanker tal-gass li tpoġġa f’Marsaxlokk. Email ta’ Nexia BT tgħid li 17 Black kienet ser tkun il-klijenta tal-kumpaniji Hearnville u Tillgate, il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Jiġifieri 17 Black kienet ser tkun qed tħallas lil dawn il-kumpaniji. Meta mistoqsi kemm, l-emails isemmu $2 miljun dollaru fis-sena, jew €150,000 fix-xahar. Dawn issa m’għadhomx allegazzjonijiet. Dawn huma fatti, stabbiliti, dokumentati u irrifjutabbli. Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati u mressqa l-Qorti fuq tixħim, korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Iżda sal-lum għadu ma ġara xejn minn dan. Il-Kummissarju għadu rieqed, jew jiekol il-fniek. Il-Prim Ministru ma neħħiehomx u għadu jittama li kollox jorqod. L-Avukat Ġenerali għadu ma talabx li tinfetaħ investigazzjoni kif itih obbligu jagħmel l-Att Dwar il-Ħasil tal-Flus.

Jekk qatt ridna prova li f’Malta krollat is-saltna tad-dritt u tirrenja l-kultura tal-impunità, kienet din il-ġimgħa. Il-liġi li tapplika għall-annimali jidher li ma tapplikax għall-allat.

Għax issa ħadd ma jista’ jgħid li “dawn biss allegazzjonijiet”, li “m’hemmx provi”, jew li “m’hemmx suspett raġjonevoli biex issir investigazzjoni”. Issa l-provi ġew pubblikati iswed fuq l-abjad. Minn issa ‘l hemm, kulmin jiddefendi dan l-aġir jitqies kompliċi ta’ azzjoni kriminali.

U fl-aħħar, iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u ġustizzja tkun trid issir ma’ kulħadd. Ma’ kulmin seraq, ma’ kulmin għen, u ma’ kulmin għalaq għajnejh.


Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Mument tal-Ħadd 23 t' April 2018.

Comments