Fil-ġimgħat li għaddew komplew joħorġu aktar rivelazzjonijiet mid-Daphne Project. Fid-diskors tiegħu tal-ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat prova jmewwet dawn l-istejjer billi jsejħilhom “stejjer riċiklati”, jiġifieri stejjer li qed jirrepetu dak li kien ħareġ qabel l-elezzjoni. Pero’ dan mhux minnu. Hemm numru ta’ rivelazzjonijiet ġodda li jagħtu piż akbar lil dak li kien diġa’ ħarġet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
James Debono tal-Maltatoday kiteb artiklu tajjeb ħafna li fih ġabar il-ħames rivelazzjonijiet ewlenin tad-Daphne Project (ara hawn).
L-ewwel fatt ġdid: 17 Black, kumpanija reġistrata fid-Dubaj, kienet irreġistrata bħala “klijent” tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din il-kumpanija, kienet diġa’ daħlet €1.6 miljun dollaru, parti mingħand l-aġent tat-tanker tal-LNG f’Malta, u parti minn persuna mill-Azerbaijan.
It-tieni fatt ġdid: Leyla Aliyeva u persuni oħra esposti politikament mill-Azerbaijan huma s-sidien tal-maġġoranza tal-ħamsin kont u $307 miljun dollaru li kellu l-Pilatus Bank f’Malta fl-2016.
It-tielet fatt ġdid: l-ebda politiku ma ġie investigat u interrogat dwar il-qtil ta’ Daphne Carurana Galizia, minkejja l-fatt li Chris Cardona iltaqa’ mal-akkużati qabel u wara l-assassinju, u minkejja l-fatt li l-istejjer ta’ Daphne Caruana Galizia kienu kollha jittrattaw politiċi.
Ir-raba’ fatt ġdid: Brian Tonna kien parti mill-Bord li għażel l-Electrogas. Il-Gvern kien irrifjuta li jippubblika min kienu l-membri f’dan il-Bord, iżda kellu jagħtihom wara li t-Times għamlu talba taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Flimkien miegħu, fil-Bord, kien hemm tliet membri oħra tal-istess kumpanija, Nexia BT. Dan juri li l-kumpanija li fetħet il-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u li fetħet il-kumpanija Egrant, u li fetħet ukoll kumpanija għal wieħed min-negozjaturi tas-Shanghai Electric li xtraw l-Enemalta, kellha wkoll sehem dirett fl-għażla ta’ min bena l-powerstation il-ġdida. Mhux hekk biss, iżda kienu wkoll Nexia BT li lestew il-feasibility study tal-proġett. Jekk ma kienx kunflitt ta’ interess dan, mela ma nafx x’inhu kunflitt ta’ interess.
Il-ħames fatt ġdid: Malta qed tixtri l-gass mingħand is-Socar bid-€9.40. Dan kien ftehim li kien maqtugħ barra mill-kuntratti ta’ paġni vojta u maqtugħin bl-iswed li l-Gvern poġġa fil-Parlament. Dan juri li Malta, minflok ma nnegozjat direttament ma’ fornituri tal-gass, qed tixtri l-gass mingħand l-Electrogas, li qed tixtrih mingħand is-Socar tal-Azerbaijan, li qed tixtrieh mingħand ix-Shell, u li b’dan il-ftehim li esperti sejħulu “stramb” u “mhux tas-soltu”, Malta qed teħel mal-€40 miljun żejda fis-sena. Dan għall-ewwel darba juri biċ-ċar li l-prezz tal-korruzzjoni wara dan il-ftehim, il-prezz tat-tixħim li jidher li għadda għand politiċi, finalment qed jitħallas mill-konsumatur, mill-poplu Malti u Għawdxi. L-istorja tal-ħlas żejjed għal gass kienet investigata wkoll mill-Guardian (ara hawn). Il-konklużjoni ta’ ħafna hija li kien meta l-Gvern sar jaf li ġew leaked id-dettalji tal-ftehim tal-Electrogas lil Daphne Caruana Galizia, u li bdiet taħdem fuqhom, illi ġie deċiż li tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Anke għax kienet Daphne stess li rrappurtat kif id-dominju l-aqwazmien fuq l-internet kien ġie reġistrat minn Marzu, ħafna qabel ma konna għadna smajna bl-Egrant.
Id-dell fuq ir-rabta bejn il-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti, il-flus li ħadu l-ogħla esponenti tiegħu, il-flus li marru l-Azerbaijan, u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jkompli jikber. U ma’ dan qed tbati Malta.
Infatti din il-ġimgħa wkoll l-OECD (l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku) ħarġet twissija lil Malta fejn qed tiġi mhedda li titpoġġa fuq blacklist minħabba l-iskema abbużiva tal-bejgħ tal-passaporti, flimkien ma’ dik tal-Emirati Għarab Magħquda, Ċipru, St Kitts u St Lucia. Dawn l-iskemi skont l-OECD huma front għal ħasil tal-flus u mhumiex jitmexxew b’mod trasparenti u mhux isir due diligence fuq l-applikanti.
Sadattant, mill-Unjoni Ewropea bdew jinstemgħu l-ewwel sinjali ta’ kif dan id-dell fuq Malta qiegħed jintuża’ kontrina. L-Editorjal tal-Le Monde (ara hawn) tkellem fuq kif l-ewwel draft għal budget preżentata mill-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa ssemmi kif il-fondi li ser jieħdu l-pajjiżi jiddependu minn kemm hi b’saħħitha s-saltna tad-dritt u rule of law f’dak l-Istat Membru. Jidher li anke hawn, finalment ser inkunu jien u int li ser inħallsu l-prezz għall-abbużi ta’ Joseph Muscat u sħabu.
Comments
Post a Comment