Nhar il-Ħadd li
għadda ingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema
“Infasslu Futur Flimkien”. Kunsill Ġenerali li jiġi fi tmiemu proprju illum u
li fih qed jiġi propost tibdil fl-Istatut tal-Partit biex titwaqqaf fergħa
ġdida għal żgħażagħ adolexxenti ta’ bejn l-14 u s-17-il sena, u biex jiżdied
in-numru ta’ żgħażagħ eletti mill-Kunsill Ġenerali fil-Kumitat Eżekuttiv
tal-Partit.
Apparti dan, nhar
il-Ħadd li għadda kien hemm aħbar pjuttost pożittiva li bdiet dan il-Kunsill
Ġenerali fuq nota ta’ kuraġġ. Il-MaltaToday ippubblikat survey dwar it-trust ratings
tal-Kapijiet tal-partiti politiċi (ara hawn).
Is-survey juri li l-fiduċja f’Adrian
Delia żammet it-trend tas-surveys passati
u kompliet titla’, f’dan is-survey ikollha
l-ikbar qabża ‘l fuq ta’ 7%. Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 4% fil-fiduċja
f’Joseph Muscat. L-istess ħaġa ġiet riflessa wkoll fl-intenzjoni tal-votanti
jekk jivvutawx lill-Partit Laburista jew lill-Partit Nazzjonalista.
L-ikbar nota ta’
kuraġġ ġiet minn Għawdex fejn għall-ewwel darba wara snin, kemm il-Partit
Nazzjonalista u kemm il-fiduċja fil-Kap tal-Partit ġabu riżultat aħjar minn
dawk tal-Partit Laburista. Interessanti wkoll li fil-kategorija ta’ dawk li ma
vvutawx fl-aħħar elezzjoni, filwaqt li nofshom jgħidu li jerġgħu ma jivvutawx,
min-nofs l-ieħor hemm id-doppju li jgħidu li kieku issa jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista
milli hemm li jgħidu li jivvutaw lill-Partit Laburista. Dan juri li hemm nies
li għandhom tama li l-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia jistgħu jagħtu
tmexxija aħjar minn dik li rajna f’dawn l-aħħar ħames snin. Tmexxija li apparti
li tkabbar l-ekonomija, tagħmel ġieħ ukoll lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Għalkemm
id-distakk għadu kbir, dawn huma sinjali inkoraġġanti li juru li wara l-mument
ikrah li għadda minnu l-Partit Nazzjonalista wara t-tieni telfa elettorali u
t-taqtiegħa għat-tmexxija tal-Partit, issa l-ħidma li qed issir
mill-amministrazzjoni l-ġdida bdiet tħalli l-frott u bdiet turi l-ewwel sinjali
pożittivi. Fadal ħafna xi jsir u ħafna nies x’nikkonvinċu, pero’ konvint li
bid-determinazzjoni u l-enerġija tal-Kap tal-Partit Adrian Delia, tat-tmexxija
kollha, tal-Kumitati u l-Fergħat tagħna u tal-attivisti u t-tesserati tagħna,
nistgħu naslu.
Il-Qorti terġa’ ttina raġun
Nhar il-Ħamis
il-Qorti reġgħet tat raġun lil Adrian Delia fil-kawża li fetaħ kontra l-Gvern,
il-Vitals u l-Avukat Ġenerali biex jitwaqqa’ l-kuntratt li bih il-Vitals Global
Healthcare xtrat tliet sptarijiet tal-poplu Malti (ara hawn).
Il-Qorti iddikjarat li dan huwa każ ta’ importanza nazzjonali u għandu
jinstema’ mill-aktar fis possibli mingħajr ma jinħela ħin fuq talbiet
preliminari bħalma għamlu l-Prim Ministru u l-Awtorità tad-Djar fejn talbu
lill-Qorti ma tismax il-każ għax skont huma l-ftehim issa laħaq sar.
Il-Qorti
ppreseduta mill-Prim Imħallef uxxenti Silvio Meli iddikjarat li minħabba
l-importanza tal-materja l-każ għandu jinstema’ u ser jitkompla fit-28 ta’
Mejju.
Din il-ġimgħa
daħal ukoll fil-kariga l-Prim Imħallef il-ġdid Joseph Azzopardi, Imħallef li
jgawdi r-rispett ta’ kulħadd, u li għalkemm kien kandidat Laburista fil-passat
kien il-Partit Nazzjonalista li appuntah bħala Imħallef lura fl-2003 minħabba
l-integrità, professjonalità u serjetà tiegħu, meta Malta kienet tassew “tagħna
lkoll” u n-nies kienu jiġu appuntati bil-mertu tagħhom.
Nawguralu minn
qalbi fil-ħidma tiegħu.
Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 13 ta' Mejju 2018
Comments
Post a Comment