Skip to main content

Intervent fil-Kunsill Ġenerali "Infasslu Futur Flimkien" - Mejju 2018




Sinjura President, Għażiż Kap, sħabi Kunsilliera,

10 snin ilu kelli l-opportunità nindirizza dan il-Kunsill Ġenerali għall-ewwel darba, u huwa ta’ privileġġ għalija li llum, 10 snin wara, qed nindirizzakom bħala wieħed mill-uffiċċjali l-ġodda tal-Partit, l-iżgħar uffiċċjal ta’ din l-amministrazzjoni l-ġdida, amministrazzjoni li tkompli tixhed kemm dan il-Partit kompla jiġġedded, kompla jinfetaħ u kompla jsir aktar żagħżugħ.

Matul dawn ix-xhur, fil-laqgħat ġenerali annwali tal-fergħat tagħna, kelli x-xorti niltaqa’ ma’ ħafna nies li qed jaħdmu u jagħtu sehemhom biex inkomplu nsaħħu lil dan il-Partit. Nies li niftakarhom hawn quddiemi 10 snin ilu, u kienu hawn qabli u li għadhom sal-lum jagħtu qalbhom u ħinhom għal dan il-Partit, u wkoll ħafna nies ġodda li ressqu lejna għall-ewwel darba. Grazzi lilkom ilkoll! Il-bibien tagħna miftuħin beraħ għalikom, miftuħin beraħ għal dawk kollha li jridu jagħtu sehemhom. Għal dawk kollha li qed jersqu lejna għax fina qed jaraw tama. Tama li dan il-pajjiż nistgħu ntuh tmexxija ħafna aħjar minn dik li rajna f’dawn il-ħames snin.

Huwa għalhekk li mill-bidu tal-amministrazzjoni l-ġdida, qed naraw li l-leħen tal-Fergħat u l-membri tagħna jaslu fl-ogħla strutturi tal-Partit. Sa minn dawn l-ewwel xhur tal-amministrazzjoni l-ġdida, l-Eżekuttiv tal-Partit li għandi l-privileġġ li nippresiedi, reġa’ sar il-forum fejn jiġu diskussi l-policies tal-Partit, b’mod ħaj, b’mod vivaċi. U dak hu tajjeb, għax aħna maħniex Partit ta’ pupazzi u robots, aħna maħniex Partit fejn jiddeċiedi x’ser jiġri d-Dittatur, u kulħadd ibaxxi rasu, aħna Partit fejn kulħadd isemma’ leħnu, fejn il-pożizzjonijiet tagħna niddiskutuhom flimkien, u fejn jingħata spazju għal-veduti kollha, u jkun biss wara li tittieħed deċiżjoni u kulħadd ikun mistenni jimxi fl-istess direzzjoni.

Hekk għamilna riċentament dwar l-emendi li tressqu mill-Gvern għal liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni. Smajna esperti fis-suġġett, biex id-diskussjoni tagħna tkun waħda infurmata, smajna x’jaħsbu l-fergħat differenti tagħna, u wasalna għal pożizzjoni komuni. Pożizzjoni li tirrefletti l-prinċipji tagħna, fuq tliet pilastri importanti:

·      id-difiża tagħna għal valur tal-ħajja sa mill-bidu nett tagħha. Għalina mal-ħajja tal-bniedem m’hemmx kompromessi, la meta jkun fih 100 miljun ċellula, u lanqas meta jkun fih tmienja. Għalina huwa l-istess bniedem;

·      id-difiża tagħna għad-drittijiet tat-tfal, illi kif tgħid il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li aħna firmatarji tagħha, jkollhom dritt ikunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom u jibnu l-identità  tagħhom, xi ħaġa li anke l-Kummissarju tat-Tfal insiet li huwa xogħolha li tipproteġi;

·      id-difiża tagħna għad-dinjità tal-mara, illi bis-surrogazzjoni ssir oġġett ta’ kuntratt, u li huwa għalhekk li l-Kunsill tal-Ewropa, u l-Parlament Ewropew ivvotaw biex din il-prattika titwaqqaf, anke fil-forma altruwistika. U waqt li ħaddieħor qed jitgħallem mill-iżballji u jikkoreġi dawn il-prattiċi, aħna f’pajjiżna qed nagħġlu u ndaħħluhom.

Qed nagħġlu għax għandna Gvern li jrid jgħatti, li jrid inessi l-kriżi li jinsab fiha minħabba l-korruzzjoni. U biex jagħmel dan lest jilgħab, b’mod daqstant irresponsabbli u bla skrupli, anke bil-ħajja u bid-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

U għalhekk tikber ir-responsabbilità fuqna biex noffru għażla ta’ Gvern alternattiv, ta’ Gvern li ma jkejjilx is-suċċess tiegħu biss mill-istatistika, min-numri imma jkejjel is-suċċess tiegħu minn kemm inkunu pajjiż li jkun tarka tal-vulnerabbli, tal-foqra fis-soċjetà tagħna, tal-pensjonanti, ta’ dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, tal-annimali, tal-ambjent, tal-kultura tagħna, tal-valuri li jagħmluna Maltin.

U l-emendi għall-Istatut li qed jitressqu f’dan il-Kunsill iressquna aktar lejn dan il-għan. Jekk irridu naslu għal-mod ġdid ta’ politika, irridu nkunu Partit dejjem aktar żagħżugħ. Żgħażagħ ta’ 16-il sena, issa mhumiex biss ċittadini li jistgħu iħallsu t-taxxa imma ċittadini li jistgħu jiddeċiedu fuq il-futur ta’ pajjiżhom, issa jridu jkunu parteċipi aktar minn qatt qabel fit-tfassil tal-politika tal-Partit. U allura qed nipproponu iva, biex noħolqu fergħa ġdida, immexxija minnhom, fejn jiġu diskussi l-ideat tagħhom, mhux biex jibqgħu hemm, imma biex jiġu quddiem l-ogħla strutturi tal-Partit, quddiem l-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tagħna, fejn dawn iż-żgħażagħ ser ikunu rappreżentati iktar minn qatt qabel.

U jien inħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ, li għadhom jemmnu, li għadhom jittamaw f’pajjiż aħjar, biex jużaw dan l-ispazju li qed jingħataw f’dan il-Partit u jiġu magħna, fuq l-istess mejda magħna ħa jsemmgħu leħinhom huma wkoll. Ħa jkunu huma wkoll awturi tal-bidla li jrid iwettaq dan il-partit, partit dejjem aktar żgħażugħ, dejjem aktar miftuħ. Ħalli bil-ħeġġa tagħkom, flimkien magħna, flimkien mal-Kap tagħna Adrian Delia, INFASSLU FUTUR FLIMKIEN, fejn nerġgħu noħolmu u nerġgħu nibnu l-Malta li rridu ngħixu fiha.

Malta fejn il-liġi tkun l-istess għal kulħadd.

Malta fejn meta l-politiċi jagħmlu l-ħażin, ma jirriżenjawx il-Kummissarji, imma jirriżenjaw u jiġu investigati l-politiċi.

Malta fejn mhux imutu l-ġurnalisti u ma jiġri xejn, imma fejn il-ġurnalisti jiktbu u jistaqsu kemm iridu għax moħħhom mistrieħ li ma jiġrilhom xejn.

Malta fejn tħossok sikur x’ħin toħroġ mill-bieb tad-dar, għax taf li għandna korp tal-Pulizija attrezzat u li ma jħarisx lejn uċuħ.

Malta fejn ma nkomplux neqirdu kull roqgħa ħadra u spazju pubbliku li għandna, imma fejn nipproteġu l-wirt ambjentali u kulturali tagħna, fejn noħolqu aktar spazji miftuħa fejn uliedna jilagħbu.

Malta fejn il-miljuni ma jmorrux fil-kontijiet moħbija tal-ftit, imma fejn il-miljuni jmorru biex il-pensjonanti jingħataw il-mediċini tagħhom b’xejn,
biex nies fil-faqar ma jibqgħux imsallba bil-kera u bl-għoli tal-ħajja,
biex nagħtu dinjita’ lil pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali,
biex l-għalliema jkunu aktar rikonoxxuti tal-ħidma tagħhom, fejn l-edukazzjoni ninvestu fiha bis-serjetà.

Malta fejn l-opportunitajiet ta’ xogħol li toħloq l-ekonomija, jkunu miftuħa għal kulħadd, hu min hu, u mhux jitqassmu fuq il-paġni ta’ partit, fejn flok jgħoddu l-kapaċitajiet tiegħek, jgħodd kemm għandek ritratti fil-mass meetings.

Malta fejn tkompli tikber l-ekonomija, imma tikber magħha wkoll ir-reputazzjoni tagħna.

Din hi l-Malta tal-futur li rridu nfasslu flimkien, flimkien mal-Kap tagħna Adrian Delia, u b’mod partikolari flimkien magħkom iż-żgħażagħ tagħna.

Biex flimkien, nerġgħu insiru poplu, li meta mmorru barra minn din il-blata u jsaqsuna minn fejn intom, nerġgħu inkunu kburin bil-passaport Malti, inkunu kburin ngħidu:

JIEN MALTI, JIEN MALTIJA, MINN MALTA

U pajjiżi l-aqwa fid-dinja, mhux biss fl-ekonomija, imma anke fid-demokrazija, fil-ġustizzja u fil-libertà.




Comments