Skip to main content

Partit żagħżugħ, Partit miftuħ




Il-Ħadd li għadda infetaħ il-Kunsill Ġenerali amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Kunsill Ġenerali li għall-ewwel darba qed isir mhux fuq medda ta’ tlitt ijiem jew erbgħa, imma fuq medda ta’ ġimgħa sħiħa, minn Ħadd sa Ħadd.

Apparti milli jagħti iżjed żmien għad-diskussjoni, il-Kunsill Ġenerali ta’ din is-sena ser ikun qed isir mhux biss fid-Dar Ċentrali, imma b’sessjonijiet fil-każini u d-distretti tagħna, u b’sessjoni sħiħa f’Għawdex. Dawn is-sessjonijiet mhux qed ikunu miftuħa għal media biex l-attivisti, Kunsilliera u tesserati tagħna jkunu jistgħu jitkellmu u jistaqsu direttament lill-Kap tal-Partit b’mod miftuħ, mingħajr ebda forma ta’ awto-ċensura minħabba l-biża’ ta’ kif tista’ tirrapporta ċertu mistoqsijiet il-media.

Dan qed isir wara li għal diversi snin smajna lill-Kunsilliera tagħna jgħidulna li l-Kunsill Ġenerali mhux qed iservi bħala forum ideali biex jiġi diskuss il-futur u l-ħidma tal-Partit minħabba li l-preżenza tal-media ddawru awtomatikament iżjed f’showcase tax-xogħol tal-Partit milli f’opportunità ta’ diskussjoni. Apparti minn hekk, Adrian Delia sa mill-bidu tal-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit enfasizza fuq il-bżonn ta’ politika minn isfel għal fuq, il-bżonn tad-djalogu, u l-bżonn li l-Partit jinżel qalb in-nies. U l-mod kif qed isir dan il-Kunsill Ġenerali huwa turija li dan ma kienx biss kliem fieragħ biex jintrebħu l-voti, imma programm politiku li qed jitwettaq.

Dan il-Kunsill Ġenerali qiegħed ukoll jiddiskuti emendi importanti għall-Istatut tal-Partit, emendi li ġew proposti mill-President tal-MŻPN Joseph Grech u mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, u li ġew approvati mill-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-Partit il-ġimgħa l-oħra. Dawn l-emendi huma pjuttost radikali, u qegħdin jiġu diskussi fid-dettal fil-laqgħat li qed isiru fid-distretti. Fis-sustanza, dawn l-emendi jfissru li:

  • Peress li l-età tad-dritt tal-vot issa niżlet għal 16-il sena, l-età li fiha wieħed jista’ jissieħeb fil-Partit Nazzjonalista ser tinżel minn 16 għal 14-il sena, b’dan illi t-tesserament ta’ dawk bejn l-14 u s-16-il sena jkun bla ħlas, u li d-dritt tal-vot fil-Konvenzjoni Ġenerali għall-elezzjoni tal-Kap u Viċi Kapijiet jibqa’ mill-età ta’ 16-il sena;

  • Peress li huwa importanti li ż-żgħażagħ ta’ dik l-età jkollhom sehem akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politika tal-Partit, ser titwaqqaf il-fergħa Start, fergħa ġdida għal żgħażagħ bejn l-14 u s-17-il sena, illi bħal kull Fergħa oħra jkollha l-President tagħha jagħmel parti mill-Amministrattiv tal-Partit, tliet rappreżentanti tagħha jagħmlu parti mill-Eżekuttiv tal-Partit, u l-ħmistax-il membru tal-Eżekuttiv kollu tagħha jagħmlu parti mill-Kunsill Ġenerali;

  • Biex anke tiżdied ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit, qed jiġi propost biex in-numru ta’ rappreżentanti eletti mill-Kunsill Ġenerali, li s’issa kienu 9 irġiel u 9 nisa, jinbidel għal 8 irġiel, 8 nisa u 8 żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-30 sena (erba’ żgħażagħ irġiel u erba’ żgħażagħ nisa). Dan ifisser li tal-inqas 14-il membru tal-Eżekuttiv ser ikunu żgħażagħ (tliet rappreżentanti ta’ Start, tliet rappreżentanti tal-MŻPN, u tmienja eletti mill-Kunsill Ġenerali), apparti żgħażagħ oħra li jistgħu jiġu eletti mill-Fergħat l-oħra jew mid-Distretti kif hemm bħalissa.


Flimkien ma’ dan ġie mniedi l-programm Future Leaders, li ser ikun kordinat mill-AŻAD, biex jipprepara lil żgħażagħ li huma interessati jidħlu fid-dinja politika.



Dan juri bidla ċara, il-Partit Nazzjonalista ma jridx jibqa’ partit li jisma’ ż-żgħażagħ, imma jrid ikun partit taż-żgħażagħ. Ma rridux iż-żgħażagħ jisimgħuna, imma rriduhom fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet magħna. Ma rridux iż-żgħażagħ jappoġġjaw, irriduhom imexxu.

L-appell tiegħi hu lill-Kunsilliera tagħna biex jifhmu aktar minn qabel il-bżonn ta’ dan, u japprovaw bi ħġarhom dawn l-emendi radikali għall-Istatut li jridu jsibu l-approvazzjoni tagħhom f’dan il-Kunsill Ġenerali, li hu l-ogħla organu tal-Partit.

Ħalli dawk iż-żgħażagħ kollha li jittamaw li pajjiżna jista’ jkun aħjar, jista’ jitmexxa aħjar, jingħaqdu magħna, mal-Kap tagħna Adrian Delia, hu infasslu futur sabiħ għal pajjiżna flimkien.




Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 09 ta' Mejju 2018.

Popular posts from this blog

Il-kont tad-dawl u l-ilma...qed tinsteraq?

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta The Malta Independent investigat kif is-sistema l-ġdida ta’ kif qed taħdem il-kontijiet l-ARMS kienet qed twassal biex il-konsumaturi jirċievu kontijiet ogħla milli suppost (ara hawn). Diversi ekonomisti u akkademiċi wkoll tkellmu fuq dan u spjegaw kif dan qed jiġri, fosthom Marie Briguglio.
Kif qed jiġri dan? Ħa nipprova nispjega ftit kif taħdem is-sistema. Ir-rati li bihom tħallas għal kull unit mhumiex l-istess. Biex jiġi inkuraġġit li kemm jista’ jkun wieħed ma jikkunsmax aktar milli suppost, hemm skali (brackets) ta' prezzijiet li jogħlew skont il-konsum. Kif tindika t-tabella hawn taħt, jekk ma taqbiżx ċertu ammont ta' units f'sena, tħallas prezzijiet b'tariffi aktar baxxi, u aktar ma wieħed jikkonsma, aktar jiswew il-units.  S'hemmhekk sempliċi.


Sa ftit tas-snin ilu, għalkemm numru ta’ familji kienu jirċievu kont ta’ stima kull xahrejn jew kull tlieta, il-kont attwali kien jinħadem fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan kien ifisser l…

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Il-ħarba tac-Chief-of-Staff

Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti. Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kummen…