Nhar il-Ħamis
fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina żvela kif Ali Sadr,
is-sid tal-Pilatus Bank, fl-2014 waqqaf kumpanija tal-kostruzzjoni f’Malta li
skont l-Att tar-Reġistrazzjoni tagħha kienet intenzjonata li taħdem fil-qasam
tal-housing soċjali (ara hawn).
Interessanti li fl-akkużi li qed jiġi mressaq il-Qorti fuqhom fl-Istati Uniti, Ali Sadr hu akkużat li uża l-qasam tal-housing soċjali tal-Venezwela biex jaħsel il-flus u jevadi sanzjonijiet Amerikani, akkużi li dwarhom qed jaffaċċja mal-125 sena ħabs. L-akkużi Amerikani jgħidu wkoll li Ali Sadr uża flus li akkwista mill-kriminalità proprju biex fetaħ Pilatus Bank f’Malta.
Hawnhekk il-kobba
tkompli titħabbel fuq żewġ aspetti. L-ewwelnett jidher li l-Bank Pilatus kien
parti mill-ħasil tal-flus li affetwa l-interessi Amerikani, li jista’ jfisser
li jkun hemm xi tensjoni diplomatika mal-Istati Uniti minħabba li Malta setgħet
iffaċilitat l-eżenzjoni minn sanzjonijiet imposti minnhom. It-tieni aspett huwa
r-rabta intima li hemm bejn il-Gvern Malti u Ali Sadr. Għax f’Malta huwa
l-Gvern Malti biss li jagħmel proġetti ta’ housing.
F’Malta Muscat għamel erba’ snin fejn m’għamel l-ebda proġett ta’ housing u ħalla kollox għalissa.
Għalfejn? Kien qed jittama li tissolva l-problema ta’ Pilatus Bank u jkun
jista’ anke juża’ l-housing biex
jagħmlu lira tajba l-erbat iħbieb tal-klikka? Kien għalhekk li l-poplu Malti
tħalla jbati bi problema ta’ housing
għal dawn is-snin kollha? Għax il-ħabib ta’ Muscat u Keith Schembri, dak li
marru anke t-tieġ tiegħu, kien ser jagħmel biċċa negozju tajba minn fuq daharna
f’din ukoll?
Għal darboħra qed
nikkonfermaw li għal dan il-Gvern l-interessi tiegħu u ta’ dawk tal-klikka jiġu
qabel l-interessi tal-poplu Malti. Minn dawk jimpurtah, u mhux minni, minnek, u
minn dawk li qed ibatu.
Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 3 ta' Ġunju 2018.
Comments
Post a Comment