Probabli dan ikun isem tajjeb għal xi film. Il-ħasra hija li qed ngħixuh bħala realtà. Keith Schembri din il-ġimgħa kellu jidher
il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil. Il-Qorti
mar, imma ma marx biex iwieġeb. Mar biex jargumenta li m’għandux iwieġeb. Għax
skont hu, jinfluwenza l-inkjesti Maġisterjali li qegħdin isiru.
Il-Maġistrat
iddeferixxa l-każ, u għalissa Keith Schembri ħarab milli jwieġeb fil-Qorti.
Il-ħarba kompliet wara l-kawża wkoll pero’ hekk kif il-ġurnalist bravu
tat-Times of Malta Jacob Borġ, prova jieħu t-tweġiba ta’ Keith Schembri għal
mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”, li Keith Schembri ftit ilu qal li kienet
parti mill-business plan tiegħu. Araw il-video ta’ din il-ħarba, li telqet
mill-Qorti u baqgħet sejra sa Kastillja (ara hawn). Fiha
tifhmu kif tnaqqret id-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif apparti li ma jweġibx
mistoqsija leġittima, Keith Schembri sa jdur fuq il-ġurnalist u jheddu li hu
kien “iħallaslu l-paga”.
Keith Schembri f’kumment wieħed ammetta kif il-Kasco
kienet tgħaddi flus lit-Times (niftakru l-każ li wassal għat-tkeċċija ta’
Adrian Hillman), bl-iskop li jinfluwenza x’jagħmlu, x’jistaqsu u x’jinvestigaw
il-ġurnalisti tagħha. Għal grazzja ta’ Alla jidher li din l-influwenza tilifha.
Mill-banda l-oħra, tikxef kif dan il-bniedem, li dellu dallam id-demokrazija
ta’ repubblika sħiħa, kien u għadu jopera: billi jixtri u jxaħħam.
Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 10 ta' Ġunju 2018.
Comments
Post a Comment