Skip to main content

Mhux kollox jeħtieġ permess


Il-front-page fuq is-sit timesofmalta.com nhar it-Tlieta li għadda kien interessanti ferm, jekk mhux kemmxejn ironiku.

Taħt xulxin kien hemm żewġ aħbarijiet li jitrattaw permessi (dan u dan). Waħda kienet tgħid li minn issa ‘l quddiem, kulmin ikun jixtieq jagħmel BBQ fil-Bajja tal-Mixquqa (jew kif nafuha l-aktar Golden Bay), irid japplika għal permess. Qabel dan kien irid jintalab jekk il-BBQ hija għal ħmistax-il ruħ jew aktar. Issa peress li qed innaqsu l-burokrazija, trid permess anke jekk tmur waħdek mal-familja tiegħek biss. Anke jekk tmorru int u l-partner.

L-aħbar l-oħra ta’ taħtha kienet titratta permessi oħra. Dawk għal campus il-ġdid tal-ITS, li issa ser jimxi għall-uffiċċji l-antiki tal-Air Malta. Hawnhekk bil-kontra, jidher li x-xogħol beda mingħajr ma saru l-ebda permessi. Għax il-permessi mhux qed għal kulħadd, il-permessi qegħdin hemm għall-plebej. Għall-annimali. Ara l-allat, dawk jiġu fuq il-permessi, m’għandhomx bżonnhom. Semmai, trid permess int biex tlissen kelma kontriehom.

Interessanti wieħed jinnota minn x’hiex inhu għaddej l-ITS bħalissa. Mela din l-iskola, li tispeċjalizza fuq l-istudji turistiċi, wieħed mill-akbar oqsma tal-ekonomija tagħna, ġiet imġiegħla issib post temporanju ta’ malajr, barra miz-zona turistika li kienet konvenjenti ħafna aktar għall-istudenti li kienu qed jitgħallmu proprju fuq it-turiżmu, u dan kollu għal x’hiex? Biex l-art pubblika tingħata bil-karawett lill-privat, għal profitt privat. X’jimporta li l-istudenti jbatu. X’jimporta li l-istudenti ħa jibdlu l-iskola darbtejn f’sentejn, li l-Gvern ħa jonfoq xaba’ miljuni oħra biex jirranġalhom post temporanju u mbagħad biex jibnilhom kampus ġdid. L-aqwa li qdejna l-privat u xtrajna ftit voti oħra.

Anke l-edukazzjoni ta’ wliedna, għal bejgħ. U bix-xejn.

U l-ikbar ironija hija li f’paġna waħda rajna li ngħixu f’pajjiż fejn hemm bżonn permess biex taqli zalzett u burger imqar mal-mara jew mar-raġel, imma m’hemmx bżonn permess biex t’hemm fuq jaqluk.

Għax taf int, il-ħsara qed issirilna bil-BBQs żgħar u mhux bil-bini bl-addoċċ.




Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 3 ta' Ġunju 2018.

Comments