Skip to main content

Kasco l-ewwel, l-għalliema l-aħħar


Ilbieraħ tħabbret tilwima industrijali oħra, wara dik tal-infermiera u l-qwiebel, issa jerġa’ jmiss lill-għalliema. Niftakru li l-għalliema kienu diġa’ rreġistraw tilwima industrijali mal-Gvern minħabba l-paga miżera li għadhom jitħallsu, li qed twassal biex numru kbir ta’ għalliema jitilqu mill-professjoni filwaqt li ftit huma dawk li qed jagħżlu li jibdew jaħdmu f’dan is-settur daqstant importanti għat-tfassil tas-soċjetà ta’ għada.



Dak iż-żmien, Novembru li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kienu ħabbru li ser jagħtu lill-għalliema “l-aqwa pakkett finanzjarju li qatt ingħataw”, kienu sejħulu “ftehim storiku għall-għalliem tagħna, qalu li ser jaraw “żidiet ta’ 20%”. L-għalliema semgħu ħafna kliem sabiħ, li wegħduhom kundizzjonijiet aħjar u pagi aħjar biex aktar żgħażagħ jitħajjru jidħlu għal din il-professjoni u aktar għalliema jibqgħu f’din il-professjoni.

Iżda fil-verità, issa li ħafna għalliema raw l-ewwel payslips biż-żidiet il-ġodda, x’irriżulta? Irriżulta li f’dan “l-aqwa żmien”, iż-żidiet li ingħataw lil ħafna minn dawn in-nies li f’idejhom hija fdata l-edukazzjoni ta’ uliedna u tal-ġenerazzjoni ta’ għada, kienu żidiet miżeri ta’ anqas minn €50 fix-xahar. Iż-żieda li ħadu 400 għalliem f’xahar, ħaditha waħedha Deborah Schembri f’konsulenzi kull xahar mill-elezzjoni ‘l hawn biex Joseph Muscat iżommha kuntenta. Dawn huma l-aqwa żidiet, l-aqwa pakkett finanzjarju, fl-aqwa żmien, għal wieħed mill-aktar setturi importanti.



Issa l-għalliema qed jirreġistraw tilwima industrijali oħra, pero’ din id-darba mhux fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet. Din id-darba hi fuq xi ħaġa aktar bażika, fuq il-mod kif jiġi stampat il-materjal li jkollhom bżonn jużaw fil-klassijiet.

Fuq dan kont tkellimt fi djalogu tal-Partit f’Mejju li għadda, meta l-Gvern kien beda proġett pilota fejn bih, l-għalliema kellhom jużaw biss l-Istamperija tal-Gvern biex jipprintjaw il-materjal li jużaw fil-klassijiet. Kull photocopy, kull handout, kull riżorsa, kellha tiġi mgħoddija lill-Istamperija tal-Gvern ġranet qabel biex tiġi stampata hemmhekk.

Dan ħoloq diffikultajiet kbar għal ħafna għalliema. Tilfu parti sew mill-awtonomija professjonil tagħhom u tal-iskejjel infushom, u naqqsitilhom il-possibilità li jadattaw il-materjal skont iċ-ċirkustanzi tal-ġurnata u l-abbilitajiet tal-istudenti li jkollhom quddiemhom. Fl-istess żmien li l-Gvern qed jimbotta edukazzjoni iktar individwali, b’tagħlima aktar differenzjat skont l-abbilitajiet tal-istudenti, jrid fl-istess nifs ixekkel il-mod kif l-għalliema jadattaw il-lezzjonijiet tagħhom, li kultant ikollhom bżonn jagħmluha anke fil-ġurnata stess. Dan filwaqt li lanqas biss ser ikollhom kuntatt ma’ min ikun qed jagħmlilhom ix-xogħol, u lanqas biss ser ikunu infurmati meta u x’ħin dan ix-xogħol ser ikun lest u ser jaslilhom.

Waqt il-proġett pilota f’numru żgħir ta’ skejjel, kienu inħolqu diversi diffikkultajiet, fosthom li l-istamperija mhux dejjem laħqet max-xogħol. Wieħed kien jaħseb li l-iskop tal-proġett pilota kien biex jekk jinqalgħu diffikultajiet, il-metodu jitbiddel jew tinstab soluzzjoni oħra.

Iżda le, il-Gvern iddeċieda li b’arroganza sfaċċata jibqa’ għaddej. X’jimpurtah mid-dinjità tal-għalliema. X’jimpurtah mid-diffikultà ġdida li ħa jlaqqagħhom magħha kuljum. L-aqwa li tgħaddi tiegħu. L-aqwa, li issa kull biċċa karta li titqassam fl-iskejjel tiġi stampata fl-Istamperija tal-Gvern.



Iżda ara taħsbu li din għandha x’taqsam mal-fatt li t-tenders tal-karti u l-makkinarju tal-Istamperija tal-Gvern fl-aħħar 4 snin ħadithom kollha l-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri. Dik biss kumbinazzjoni tafux.

Fl-aqwa żmien, anke l-edukazzjoni ta’ wliedna spiċċat għodda biex iħaxxnu bwiethom. Għax ma tmurx il-Kasco jitlef xi ewro. Ma tarax. Flok nużaw l-edukazzjoni biex insaħħu u ntejbu t-tagħlim, nużawha biex inżidu l-profitti tal-ftit. Bil-paroli nitkellmu fuq “l-aqwa kundizzjonijiet għall-għalliema”, waqt li bil-fatti naħdmu għall-aqwa kundizzjonijiet għal Kasco.

Almenu dawn il-profitti jidhru nodfa, u ma jkollux għalfejn joqgħod jaħsilhom b’kumpaniji l-Panama u d-Dubaj biex jużahom. Ovvjament, ftit jimpurath li din issir a skapitu tal-għalliema u l-istudenti tagħna. Dawk sekondarji. Dawk oġġetti għall-użu tiegħu.



Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta' Lulju 2018.

Comments