Skip to main content

L-Avukat Ġenerali joħloq żbilanċ




Għal raġunijiet li jaf hu biss, l-Avukat Ġenerali qed jirrifjuta li jippublika r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar Egrant, kif talbu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Din id-deċiżjoni qed toħloq żbilanċ politiku evidenti, hekk kif l-intier ta’ dan ir-rapport ingħata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Gvern u lill-Partit Laburista. Jekk kien hemm partijiet daqstant sensittivi, l-Avukat Ġenerali missu ma ta l-kontentu kollu lil ħadd. Agħar minn hekk, qegħdin fis-sitwazzjoni redikola li issa ser ikun Joseph Muscat innifsu li ser jagħżel liema partijiet jippubblika u liema ser iħalli barra.

F’dan ir-rigward nappoġġja bis-sħiħ ir-rikors li qed jagħmel quddiem il-Qorti Adrian Delia biex il-Partit Nazzjonalista jingħata kopja ta’ dan ir-rapport. Jekk hemm bżonn l-Avukat Ġenerali ineħħi barra l-partijiet fejn il-Maġistrat jirrakkomanda investigazzjonijiet ulterjuri u prosekuzzjonijiet, pero’ għandna nkunu nafu l-proċess li bih il-Maġistrat wasal għal ċertu konklużjonijiet u li wassluh jgħaddi ċertu kummenti.



Niftakru, inkjesta mihix proċess quddiem Qorti imma biss ġabra ta’ evidenza. Jibqa’ l-fatt li r-responsabbilità ewlenija għal investigazzjonijiet hija tal-Pulizija, u dawn naqsu minnha, kemm f’dan il-każ u kemm fil-każ tar-rapport tal-FIAU li jirrakkomanda proċeduri fil-Qrati dwar suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus tal-Ministru Konrad Mizzi. Hija biss Qorti wara proċess rigoruż ta’ eżaminazzjoni u mistoqsijiet lix-xhieda, li tista’ tiddetermina ħtija jew le f’każi bħal dawn.

Dan ir-rapport huwa wkoll bżonnjuż minħabba l-mod kif il-Gvern ilu issa iktar minn ġimgħa jispinnja l-konklużjonijiet tal-Maġistrat. Il-Maġistrat imkien ma jsemmi frame-ups. Il-Maġistrat jgħid li ma sab l-ebda prova li torbot lill-Egrant ma’ Michelle Muscat jew xi ħadd mill-familja Muscat. Fl-istess ħin, ma sabx pero’ għal min u għal x’hiex twaqqfet. Ma sabx min hu l-individwu li ismu ingħata minn Karl Cini fuq Skype. U fil-verità, it-termini tal-inkjesta ma kienux jitolbuh isib min. Muscat kien attent li jitolb lill-Maġistrat biss li jara hemmx provi li l-Egrant hija ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu, u xejn aktar. Il-kawża biex jiġu investigati l-Panama Papers fl-intier tagħhom, li fetaħ il-Partit Nazzjonalista, għadha tiġi missielta fil-Qorti mill-Gvern biex lanqas biss tibda. Anzi, għandna issa l-Avukat Ġenerali jappella mid-deċiżjoni li l-Imħallef Mizzi m’għandux ikun hu li jisma’ l-kawża. Kultant l-Avukat Ġenerali qisu jinsa li xogħolu mhuwiex li jkun l-Avukat tal-Gvern imma l-Avukat tar-Repubblika. Jinsa x’inhu dmiru. Spiċċa kompliċi biex il-Prim Ministru jagħżel hu meta u f’liema awla jinstemgħu l-investigazzjonijiet fuqu u fuq niesu.


Iż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna


Il-Ħadd li għadda l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel seminar tiegħu mis-sensiela Viżjoni MŻPN. L-għan ta’ din il-kampanja huwa li ż-żgħażagħ jiftħu diskussjonijiet meħtieġa, anke fuq temi kontroversjali, ma’ żgħażagħ oħra, biex minn hemm jibdew jitfasslu l-policies l-aktar relevanti għalihom mill-Partit.

Iż-żgħażagħ kienu l-mutur tal-ideat tal-Partit Nazzjonalista fl-aqwa żminijiet tiegħu, u għalhekk iridu jerġgħu jingħataw rwol ċentrali. Din kienet waħda mill-ewwel prioritajiet tal-amministrazzjoni l-ġdida, u qed naraw li titwettaq. Bħalissa wkoll qed jitħejja kollox biex tiġi wkoll imnedija l-fergħa l-ġdida Start, approvata mill-Kunsill Ġenerali li għadda, biex tagħti spazju għal żgħażagħ li għandhom inqas minn 18-il sena, u biex tkun ta’ spalla għal MŻPN fit-tfassil tal-politika u fid-djalogu maż-żgħażagħ.

Fis-seminar ta’ nhar il-Ħadd ġew diskussi fost l-oħrajn id-disponibilità aktar wiegħsa tal-kontraċettivi, il-mediċina li tipprevjeni l-HIV u l-prevenzjoni tal-mard fis-saħħa sesswali. Dawn huma suġġetti li l-Partiti ma jitkellmux spiss fuqhom iżda jolqtu direttament lil ħafna nies, u li jeħtieġu li jiġu diskussi flimkien ma’ esperti fis-suġġett, kif qed jagħmlu proprju l-MŻPN f’dawn is-seminars. Inħares ‘il quddiem lejn il-kumplament tas-seminars f’din il-kampanja, biex naraw fejn jeħtieġ li naġġornaw il-politika tal-Partit għaż-żminijiet tal-lum.



Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 01 t' Awwissu 2018.

Comments