Skip to main content

L-effett tal-korruzzjoni



Ftit tal-ġranet ilu, l-aġenzija internazzjonali Standards and Poor’s niżlet ir-rating, il-marka, li tagħti lil Malta fis-settur bankarju (ara hawn). Dan id-downgrade, kif jgħid ir-rapport tagħhom, hu attribwit l-iktar abbażi tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea, li ikkonkluda li l-FIAU kien qed jikser sistematikament id-direttivi ta’ kontra l-ħasil tal-flus, b’mod partikolari bil-mod kif ġab ruħu mal-Bank Pilatus.

Fir-rapport tagħhom, Standards and Poor’s jgħidu hekk: “fl-opinjoni tagħna, l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fuq il-Bank Pilatus, bank żgħir internazzjonali ibbażat f’Malta, kif ukoll il-perċezzjoni tagħna ta’ nuqqas kbir ta’ trasparenza f’xi banek oħra, żiedu r-riskji ta’ reputazzjoni u ta’ operazzjoni għas-settur bankarju Malti b’mod ġenerali.”

Dan ir-risku li qed jaffetwa s-settur bankarju kollu hu biss frott tal-mod kif is-supervizjoni u l-kontrolli fis-settur finanzjarju tħallew jonqsu u jiftaqru. Mhux bi traskuraġni, imma b’mod sistematiku. Mhux għax hemm nies inkompetenti, imma għax riedu li ma jkunx hemm kontrolli. Għax riedu li ċertu affarijiet jitħallew isiru mingħajr ħadd ma jissorvelja fuqhom.




U għal dan mhu responsabbli ħadd ħlief l-awtoritajiet suppost superviżjorji u investigattivi, b’mod partikolari l-FIAU, l-MFSA u l-Pulizija, u min hu direttament responsabbli minnhom, b’mod speċjali l-Ministru Edward Scicluna li ħalla dan is-settur, li hu direttament responsabbli minnu hu, jieħu din id-daqqa fir-reputazzjoni tiegħu.

Il-Ministru Scicluna kellu reputazzjoni tajba. Kien meqjus bħala bniedem serju u professjonali. Fil-5 ta’ April 2016 infatti, kien stqarr fil-Parlament li l-Prim Ministru kellu bżonn jieħu deċiżjonijiet iebsa minħabba dak li ħareġ fil-Panama Papers, biex iħares dawn is-setturi. Dawn id-deċiżjonijiet ma ttieħdux. Il-Ministru nnifsu, spiċċa b’mod kompliċi biex jgħatti xtur sħabu flok jissalvagwardja din l-industrija daqstant importanti. Għaldaqstant, fid-dawl ta din id-daqqa ġdida fuq is-settur, għandu jkun il-Ministru Scicluna nnifsu li jieħu d-deċiżjoni iebsa u jerfa’ r-responsabbilità politika għal għemilu, li wassal għal dan id-downgrade.



Jgħaddi ż-żmien bin-nies




Il-Barts and London School of Medicine and Dentistry, li kellha tiftaħ Għawdex sena u nofs ilu, ħabbret li ser tiftaħ ċentru ġdid tal-anatomija maġenb l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’Settembru li ġej. Il-campus u l-faċilitajiet ta’ Barts kellhom jinbnew mill-Vitals, fil-ftehim suspettuż li bih ħadu f’idejhom tliet sptarijiet prinċipali tagħna.

Ftit xhur wara, dan il-ftehim kien inbidel u minflok Vitals kienu daħlu Steward Healthcare, bil-Gvern jgħid li dawn ħa jieħdu fuqhom il-kundizzjonijiet kollha li kellhom diġa’ Vitals. Vitals dak iż-żmien kienu ħadu €60 miljun mill-Gvern Malti, u ħallew biss ħofra f’Għawdex flok is-suppost campus ġdid.

Issa Barts ħabbru li ser jinfetaħ dan iċ-ċentru ġdid, iżda minflok ċentru ġdid mibni minn Steward, kif kien jitlob il-ftehim, dawn ħadu f’idejhom ic-Child Development Centre li kien bena Gvern Nazzjonalista u ħa jkunu qed jużaw lilu għal dan iċ-ċentru ġdid tal-anatomija.

Din m'hi xejn ħlief daħka f’wiċċ il-poplu Malti u Għawdxi. Mhux talli l-poplu ma ħax dan iċ-Ċentru ġdid li kien miftiehem, iżda talli reġa’ tilef investiment li kien sar fil-passat. Investiment li kien inbena bil-flus ta’ Eko-Għawdex biex jingħataw is-servizzi kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal minn binja waħda, ser jingħata lill-privat għal qliegħ tiegħu (ara hawn)

Dan hu aġir ieħor tal-mistħija, li jkompli jikkonferma kemm hemm ħmieġ f’dan il-ftehim tas-saħħa li kien sar mal-Vitals u li mbagħad mexa għal Steward. Min qed igawdi minn dan kollu, għadna ma nafux.



Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Ħadd 12 t' Awwissu 2018

Comments