Ma nistax nibda
l-artiklu tal-lum mingħajr ma nsellem il-memorja ta’ Evelyn Vella Brincat, li
ħallietna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Evelyn kienet Kunsilliera Lokali
f’isem il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll kandidata u President tal-Kulleġġ
Kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Hija kienet ukoll preżentatriċi fuq NET FM
u NET Television. Ħadmet ħafna għad-drittijiet tal-annimali u għad-drittijiet
ta’ persuni b’mard terminali bħal kanċer u l-aċċess tal-mediċini li jkollhom
bżonn.
Kulmin kien jaf
lil Evelyn jaf li kienet persuna li dejjem tat mingħajr qatt ma stenniet xejn
lura. Ċert li d-determinazzjoni u l-kuraġġ tagħha quddiem din il-marda kienu
ta’ ispirazzjoni għal ħafna. Grazzi ta’ kollox Evelyn.
Ikkonfermata żieda fil-prezzijiet tal-ikel
Statistika
tal-NSO reġgħet ikkonfermat li l-prezz tal-ikel f’Malta kompla jogħla, issa
b’żieda ta’ 3%. L-istatistika turi li l-prezz tal-ikel f’Malta hu 10% ogħla
mill-medja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-pagi medji ma jikkumparawx.
Dawn iż-żidiet
jolqtu b’mod partikolari lil familji bi dħul baxx u lil nies vulnerabbli u
f’riskju ta’ faqar, bħalma huma l-anzjani. Għax l-ikel hu bżonn ta’ kuljum għal
kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. U din iż-żieda trid tittieħed ukoll f’kuntest,
fejn anke l-ħobż, l-iżjed ingredjent bażiku fuq il-mejda, żdied b’madwar 30%, u
fejn il-familji għadhom jinsterqu mill-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet
tad-dawl u l-ilma. Statistika tal-Unjoni Ewropea stess tikkonferma li Malta rat
it-tielet l-akbar żieda fil-prezz tal-elettriku mill-pajjiżi membri, żieda ta’
7.1%, u dan meta t-tariffi suppost m’għolewx. Dwar dan issa għandna l-Ministru
Joe Mizzi jikkonferma li għalkemm dan hu minnu, il-Gvern mhu beħsiebu jibdel
xejn minn din is-sistema.
U apparti l-għoli tal-ikel, kriżi fil-housing
Għax il-familji
mhux biss qed ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-għoli tal-ħajja, tal-ikel, tal-ħobż
u tal-elettriku, imma anke mal-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kera u
tal-proprjetà. Il-Federazzjoni tal-Aġenti
tal-Propjetà (FEA) ukoll ikkonfermat
li ż-żidiet fil-kera qabżu għal kollox il-pagi Maltin. U din qed toħloq kriżi
fejn ħafna Maltin qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, f’pajjiżhom. Din il-kriżi
kompliet tikber għal fatt li l-Gvern f’ħames snin ma beniex lanqas appartament
tal-akkomodazzoni soċjali wieħed. Dan jixhed in-nuqqas ta’ pjan fit-tul ta’ dan
il-Gvern. Biex kabbar l-ekonomija malajr, żied l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema
barranin, sploda l-prezzijiet tal-kera, imma ma ħasibx għal kif dan ser
jaffettwa lil dawk l-aktar vulnerabbli li kienu qed jikru l-proprjetà fejn joqogħdu.
Din il-ġimgħa stess rajna l-każ ta’ mara, imlaqqma Jacqueline biex tinżamm
anonima, li l-każ tagħha ingħata prominenza mill-media. Din spiċċat bla saqaf fuq rasha tgħix barra ma’ uliedha.
Imorru l-baħar biex jużaw is-showers pubbliċi
biex jinħaslu, imorru f’supermarkets biex jaħarbu x-xemx wara nofsinhar, u
jorqdu f’karozza mal-lejl.
Il-Gvern, inkluż ix-xandir nazzjonali, ħarġu rapporti fejn kważi ċaħdu dak
li kienet għaddejja minnu din il-mara u spiċċaw jippuntaw subgħajhom lejha. Din
it-tattika maħmuġa u bla skurpli ġabet anke l-kundanna ta’ din l-istess
Federazzjoni, li qalet li hu “bad taste” li min għandu l-poter juża l-forza
b’dan il-mod anke ma’ min għandu sitwazzjoni daqstant sensittiva. “Il-mara hija
vittma mhux xi rivali politiku. Mhuwiex ix-xogħol ta’ xi dipartiment tal-Gvern
li jabbuża mill-poter massiv tal-Istat biex jumilja nisa Maltin li qegħdin
kontinwament jitilfu s-saqaf ta’ fuq rashom u jispiċċaw b’uliedhom fit-toroq. U
l-politiku responsabbli minn dan is-settur aħjar idawwar l-attakk tiegħu fuq
is-superjuri tiegħu, forsi jkollu iżjed finanzi biex jipprovdi akkomodazzjoni
għal Maltin li qed jispiċċaw fit-toroq. In-numru ta’ nies homeless ħa jkompli jiżdied b’din l-immigrazzjoni qawwija mingħajr
pjanar adekwat. Il-Federazzjoni ilha snin twiddeb li dan ser jiġri.” (ara hawn)
Naħseb dak li qalet il-Federazzjoni jitkellem waħdu u m’għandix għalfejn
inżid miegħu. Il-Malti spiċċa barrani f’daru, jiġġerra fit-toroq b’uliedu,
basta nkomplu bil-manija tat-“tkabbir ekonomiku” akkost ta’ kollox.
Mhux il-bniedem qiegħed hemm għall-ekonomija, imma l-ekonomija għal
bniedem. Għalhekk neħtieġu soċjetà li jimpurtaha, u li tpoġġi lil bniedem
fiċ-ċentru.
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Ħadd 26 t' Awwissu 2018
Comments
Post a Comment