Matul din il-ġimgħa,
bħal ħafna minnkom, attendejt għaċ-ċelebrazzjoni tal-festi tal-Indipendenza fuq
il-Fosos tal-Floriana, organizzati mill-Partit Nazzjonalista. Kienet okkażjoni
sabiħa fejn aħna l-uffiċċjali tal-Partit, Deputati, Kunsilliera u kandidati,
stajna niltaqgħu mat-tesserati u l-attivisti għal skambju ta’ ideat u ta’
proposti. Mhux biss mal-attivisti, iżda anke ma’ nies li mhux soltu jkunu
attivi fil-Partit Nazzjonalista iżda li avviċinawna għall-ewwel darba f’dawn
il-festi. Tassew kienet okkażjoni sabiħa biex nerġgħu nikkargaw bl-enerġija
għal kampanja li issa ġejja quddiemna għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u
tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, servew ukoll bħala okkażjoni fejn jiġu
preżentati l-ewwel seba’ kandidati li l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista
approvajna biex jikkontestaw f’isimna l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew:
Peter Agius, Dione Borġ, Michael Briguglio, David Casa, Roberta Metsola, Frank
Psaila, Francis Zammit Dimech. Grazzi lkoll tal-impenn li dħaltu għalih f’isem
il-Partit Nazzjonalista, għal ġid ta’ pajjiżna.
Waħda mill-aktar
punti li baqgħu f’moħħi minn dak li smajt matul din il-ġimgħa kien dak li żvela
l-Viċi Kap tal-Partit għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius. Bħalissa
fil-Qrati Maltin għaddejja kawża miftuħa minn Melvyn Polidano u Darren Cordina
kontra l-ARMS, fejn fiha qed jikkontestaw is-serq li qed isir fil-kontijiet
tad-dawl u l-ilma minħabba l-bidla fis-sistema ta’ kif qed jinħadmu l-kontijiet
kull xahrejn. F’xhieda ġuramentata li ta fil-Qorti Darren Cordina nhar il-21
ta’ Ġunju ta’ din is-sena, huwa żvela dettalji importanti.
Huwa qal kif huwa
investa f’sistema ta’ heating li meta
kkalkula l-konsum sab li kienet vijabbli. Iżda minħabba l-mod kif bdew
jinħadmulu l-kontijiet, din ma baqgħetx. Għalhekk kien ressaq il-każ mal-customer care tal-ARMS, li qalulu li
jafu bil-ħaġa iżda ma tawhx soluzzjoni. Qal li sussegwentament, f’meeting iltaqa’ ma’ Noel Scerri
mill-ARMS u ma’ Anthony Gatt.
![]() |
Anthony Gatt |
Dawn offrewlu li jaqtgħulu €300 mill-kont
bil-patt u l-kundizzjoni li ma jerġax iqajjem il-kwistjoni. Cordina jgħid li
għalih din ma kinetx soluzzjoni, għax ovvjament is-sena ta’ wara kien ser
jerġa’ jkollu l-istess problema. Għalhekk, huwa jgħid li fittex parir legali u
proċeda bil-kawża. Kien hawn li talbu biex jiltaqa’ miegħu Frederick Azzopardi,
is-CEO tal-Enemalta ta’ dak iż-żmien (illum CEO tal-Aġenzija “Infrastruttura
Malta”). Cordina jgħid bil-ġurament li għal din il-laqgħa, fejn marru hu u
Melvyn Polidano li fetaħ il-kawża miegħu, Azzopardi jgħidilhom “araw kemm tridu
flus ħalli din il-kawża naqtgħulha rasha”. Huma irrifjutaw għax għalihom din ma
kinetx soluzzjoni permanenti.
Din pero’ tikxef
xi ħaġa importanti. Il-Gvern, l-ARMS, l-Enemalta u l-Awtoritajiet ilhom snin
jafu li s-sistema l-ġdida qed tisraq in-nies. Ma saritx bi żball. Ma sarux jafu
biha ilbieraħ. Kienu konxji sa mill-bidu. U tant kienu konxji u tant ma riedux
isolvuha b’mod permanenti, li minflok kienu lesti jixtru u joffru l-flus lil
min induna biha u ried jeħodhom il-Qorti biex jirranġawha.
Dan mhu xejn
għajr qerq. Il-karti issa nkixfu. Is-serq ma sarx bi żball, sar b’mod attiv u
maħsub, u b’mod li kienu qed jittamaw li jibqa’ moħbi u ħadd ma jinduna. U
s-soluzzjoni tagħhom, bħal ma għamlu f’affarijiet oħra, kienet għal darboħra
dik li jippruvaw jixtru n-nies.
Iżda din id-darba
għarralhom. Il-Partit Nazzjonalista wkoll ser ikompli din il-kampanja u din
il-ġlieda biex in-nies iħallsu għal kontijiet tagħhom b’mod ġust, u biex jieħdu
lura dak li ħallsu żejjed. U jekk ma jagħmilhiex il-Gvern Laburista, inwegħdu
li nagħmluha aħna, b’sens ta’ ġustizzja mal-mijiet ta’ familji Maltin u
Għawdxin.
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Ħadd 23 ta' Settembru 2018
Comments
Post a Comment