Skip to main content

Il-prezz tas-serqa tal-isptarijiet




Ftit tal-ġranet ilu sar magħruf kif raġel f’Għawdex, miet wara li tah it-tieni attakk tal-qalb, meta dan ma setax jinġieb għal kura intensiva f’Mater Dei f’Malta minħabba n-nuqqas tas-servizz tal-ħelikopter ta’ emerġenza, li hu operat mill-kumpanija privata Steward Healthcare.

Infakkru li l-kumpanija Steward hija l-kumpanija li l-Gvern Laburista ta f’idejha l-Isptar t’Għawdex u tliet sptarijiet oħra, wara li kważi falliet għal kollox il-kumpanija Vitals li magħha sar l-ewwel ftehim jinten.

Il-Partit Nazzjonalista sa mill-bidu kritika dan il-ftehim. Mhux biss għax it-termini tal-kuntratt kienu għal kollox favur il-privat u kontra l-Gvern, u kien ċar li dan il-ftehim kien magħmul biss biex jagħmel ftit nies sinjuri (niftakru fil-miljuni li ħallasna lil Vitals li kulma tawna kienet ħofra f’Għawdex), imma anke għax servizz essenzjali bħalma hu s-saħħa m’għandu qatt ikun f’idejn il-privat. Speċjalment f’każ bħal Għawdex fejn dan hu l-unika sptar pubbliku.

U dan il-każ huwa prova ta’ kemm hawn kellna raġun. Ejja nibdew mill-fatti kif mikxufin mid-Deputat Nazzjonalista f’Għawdex Chris Said, u aktar tard konfermati mis-sit Newsbook. Raġel iddaħħal fl-Isptar t’Għawdex fl-10am b’attakk tal-qalb. It-tobba jiddeċiedu li jibagħtuh Malta l-Isptar Mater Dei, minħabba l-kundizzjoni prekarja li kien fiha. Iżda l-ħelikopter t’emerġenza li topera Steward Healthcare, u li suppost skont il-ftehim ikun disponibbli 24 siegħa kuljum, ma kienx hemm. Ir-raġel kellu jinżamm fl-Isptar t’Għawdex, u jtieh attakk tal-qalb ieħor. Il-ħelikopter biex iniżlu Malta jiġi biss fl-4.30pm, imma dan ikun tard wisq u r-raġel imut.

Il-Gvern għall-ewwel ċaħad din l-istorja, iżda meta l-fatti reġgħu ġew konfermati anke mis-sit Newsbook il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li ser issir inkjesta immexxija mill-Professur Joseph Cacciattolo.

Ta’ min niftakru li Steward Healthcare qed jitħallsu l-isbaħ €1.2 miljun biex jipprovdu dan is-servizz tal-ħelikopter. U qabel ġew Steward, kemm kien jiswa dan is-servizz? Qabel, dan is-servizz kien operat mill-Armata Maltija, li kienet titħallas għalih €800 għal kull vjaġġ, li minnhom isiru medja ta’ 35 fis-sena.

Mela l-Armata kienet tieħu medja ta’ €30,000 fis-sena. Steward qed jieħdu €1.2 miljun. Erbgħin darba aktar. Jista’ xi ħadd ifhemni kif din tagħmel sens, u kif xi ħadd jista’ jgħid li dan il-ftehim ma jintinx?

Imma l-akbar prezz li qed jitħallas mhuwiex dak finanzjarju. L-akbar prezz qed jitħallas bis-saħħa tal-Għawdxin, jew min jinzerta jiġrilu xi ħaġa f’Għawdex. Għax minħabba din it-traskuraġni u dan in-nuqqas, dawn in-nies li huwa ċar li għal Gvern ma għandhomx valur, jistgħu iħallsu anke b’ħajjithom.

Dik is-sitwazzjoni xokkanti li qegħdin ngħixu fiha. Biex imtlew il-bwiet tal-ftit, ġiet l-aħħar mhux biss l-edukazzjoni tagħna, mhux biss l-infrastruttura tagħna, mhux biss l-arja tagħna, mhux biss l-ambjent tagħna, imma issa anke ħajjitna stess.

Il-valur tal-ħajja ma twarrabx biss għat-tarbija fil-ġuf u għall-embrijuni, imma twarrab ukoll għal dawk li ġa huma imwielda u qed jippruvaw jgħixu ħajjithom fil-gżejjer tagħna.




Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 12 ta' Settembru 2018.

Comments