Skip to main content

In-nirien tal-Magħtab: Inaċċettabbli




Il-ġimgħa l-oħra l-impjant tal-iskart tal-Magħtab inħakem min-nirien li xeħtu sħaba sewda fuq Malta u Għawdex (ara hawn).

Il-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ mistoqsijiet fuq l-immaniġġjar ta’ dan l-impjant, u fuq il-kompetenza ta’ nies li tpoġġew f’karigi ta’ responsabbilità minn siti bħal dawn. Kien hawn min iżda skandalizza ruħu li qed isiru mistoqsijiet ‘politiċi’ fuq ‘inċident’. Iżda dawn il-mistoqsijiet iridu jsiru, għax inċidenti bħal dawn huma wkoll frott deċiżjonijiet politiċi. "Ħeqq accident, m'hemmx x'tagħmel" mihix risposta adekwata għal sit b’materjal perikoluż u tossiku.

Ir-responsabbilità tal-protezzjoni tagħna ċ-ċivili mill-periklu li joħolqu siti bħal dawn hi f’idejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), il-Gvern u f’dan il-każ il-WasteServ, u għal daqstant it-tmexxija ta’ dawn l-entitajiet għandha xi twieġeb.


Speċjalment meta wieħed jiftakar li sena u nofs ilu seħħ inċident simili, bl-istess skart, fl-impjant ta’ Sant'Antnin. L-ewwel mistoqsija ovvja hi x'irriżulta mill-investigazzjoni li saret dakinhar? Jista’ r-rapport ta’ dik l-inkjesta jiġi ppublikat? U wara dak l-inċident, x’rakkomandazzjonijiet saru? X'miżuri ta' prekawzjoni ttieħdu biex jiġi assigurat li inċident simili ma jirrepetix ruħu? Min kien responsabbli li jimplimenta dawn il-miżuri? Jew tħalla kollox mar-riħ u ma tgħallimna xejn minn dak l-inċident?



Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għal kuntrarju ta’ li jaħsbu ħafna nies, mhuwiex sempliċiment Fire Brigade li jibgħat Fire Engine meta jinqala’ ħruq. Xogħol dan id-Dipartiment mhux biss li jmur jitfi n-nar. Hu responsabbli biex siti ta' skart jew fuels tossiċi u perikolożi tara li jkunu ħadu l-miżuri preventivi biex jiġu evitati inċidenti b'mod proattiv. Għalhekk per eżempju kienu involut sa mill-bidu fl-applikazzjoni tat-tanker tal-LNG f’Marsaxlokk, għax huma responsabbli mis-sigurtà taċ-ċittadini minn qabel ma jsir inċident u mhux wara. U allura nistaqsi, x'għamlet is-CPD biex tara li l-perikolu li nħoloq wara l-ħruq f'Sant'Antnin ma jerġax jirrepeti ruħu f'siti oħra bħal Magħtab? U jekk naqset f'dawn is-siti, xi jserrħilna moħħna li mhix tonqos f'xogħolha f'siti oħra li hi responsabbli tal-protezzjoni tagħna ċ-ċivili minnhom bħal ħażniet tal-fuels u t-tanker tal-gass li semmejt?



Rigward is-CPD nistaqsi wkoll ġiex provdut l-ilbies protettiv neċessarju lill-ħaddiema, li jkunu huma li jħabbtu wiċċhom ma' perikli bħal dawn. F'ċerti ritratti pubblikati huwa ċar li wħud minnhom ma kienux. Anzi, fuq il-midja soċjali is-CPD irrispondiet għal dan billi qalet li dan ma jilbsuhx meta jkunu favur ir-riħ. Min iddeċieda li jekk tkun favur ir-riħ, il-partikoli rqaq (PM2.5, PM10) li jinħolqu minn ħruq bħal dan, u li jikkawżaw mard serju, ma jiġux assorbiti mill-bniedem?

Apparti minn hekk, intuża l-materjal tat-tifi tan-nar adekwat li jintuża apposta biex inaqqas it-tniġġis meta jkun hemm ħruq bħal ħruq ta’ żejt? Mid-daħna li ħarġet minix konvint minn dan. U jekk ma sarx hekk, sar b'nuqqas jew għax is-CPD mihiex attrezzata bih?


X'inhuma r-riskji li nħolqu fil-biedja u l-produzzjoni tal-ikel u l-ilma tal-pjan minn dan l-inċident, u x'qed isir biex l-effetti ma nbatuhomx aħna?

Il-poplu jixraqlu risposta għal dawn il-mistoqsijiet, u min naqqas mit-tmexxija tal-WasteServ, tas-CPD, jew mit-tfassil tal-politika tagħhom, għandu jerfa' r-responsabbilità. "Ħeqq accident, x'tort għandna?", mhix risposta fejn jidħlu siti ta' natura tossika jew perikoluża.


Renzo Gauci


Ftit tal-ġranet ilu ħalliena l-artist magħruf Renzo Gauci. Skultur u restawratur Tarxiniż, Malti, li ħalla wirt rikk ta’ xogħlijiet ta’ arti f’diversi knejjes u diversi festi madwar Malta u Għawdex (http://netnews.com.mt/2018/08/30/imut-l-artist-renzo-gauci/). Renzo emmen fil-festi Maltin u fil-valur komunitarju tagħhom sa mill-bidu tal-karriera tiegħu, anke meta l-festi kienu għaddejjin minn diffikultajiet. Tant emmen fihom li bena karriera u għajjex familja mix-xogħol li għamel għalihom. Iżda ma ħadimx għal festi biss għal karriera. Renzo kien raġel ta’ fidi soda, u t-twemmin tiegħu kien iwasslu fl-arti li kien joħloq. U l-ikbar konferma tal-fidi tiegħu toħroġ mill-attitudni tiegħu quddiem il-marda li ħakmitu. Seren u rassenjat sal-aħħar, baqa’ jesprimi l-fiduċja tiegħu fir-rieda ta’ Alla ma’ kulmin kien jiltaqa’ miegħu. Ċert li x-xogħol ta’ preġju li ħadem u l-effett tiegħu fuq l-arti sagra għad ikun ħafna iżjed apprezzat mal-mogħdija taż-żmien. Nappella lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien biex jikkunsidra serjament li jsemmi triq ġo Ħal Tarxien għal dan l-artist, Tarxiniż li għamel ġieħ lil pajjiżu, u li ħabb lil Ħal Tarxien u ħadem għall-għaqda f’din il-komunità tul ħajtu kollha.





Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace tal-Ħadd 09 ta' Settembru 2018

Comments